|
| Aħbarijiet |
|
It-Torċa - Is-Sibt 9 ta' Frar 2008
David Agius: Iva, hemm il-korruzjoni fil-PN
|
David Agius kien id-deputat nazzjonalista li tkellem ma’ Jo Said u li ammetta li fil-Partit Nazzjonalista hemm “prattiċi korrotti”. David Agius qal dan f’laqgħa li kellu ma’ Said fil-cafè ‘Serracino’ ta’ Ħ’Attard. Il-laqgħa saret fil-ġimgħa li fiha kien ixxandar il-programm Realtà li fih Said kien attakka l-korruzzjoni tal-gvern. F’dan il-programm kien ħa sehem ukoll David Agius. Id-deputat nazzjonalista, li fl-aħħar xhur kien imbuttat ħafna ‘l quddiem mid-Dar Ċentrali, kien hu li fittex lil Jo Said. Dan wara li Jo Said, fil-programm imsemmi, kien wissa lil Agius li anke fuqu personali kien jaf affarijiet. F’din il-laqgħa, Said tkellem ma’ Agius fuq l-istess linji li kien tkellem fil-programm Realtà u David Agius wasal biex ammetta li “fil-Partit Nazzjonalista hemm prattiċi korrotti.” Kien hawn li, kif irrappurtat it-torċa tal-Ħadd li għadda, Jo Said wissa lil David Agius biex “jekk ma jridx ikun huwa ukoll kompliċi f’din il-korruzzjoni, kellu jmur fil-parlament u jagħmel aġġornament li fih jikxef il-korruzzjoni li hemm fil-gvern u jitkellem kontriha.” David Agius mill-ewwel kien esprima d-diffikultà biex jagħmel dan. Ħaġa li wieħed jifhimha. Jo Said qal lit-torċa li Agius kien qallu li jekk jagħmel dak li Said kien qed jitlob minnu, mill-partit stess kienu se ‘jkissruh’. Jo Said ta ġimgħa żmien lil David Agius biex jaħsibha. F’telefonata li saret il-Ħamis 24 ta’ Jannar 2008 fil-għaxija, (u li t-torċa għandha rekording tagħha), l-istess Agius tkellem ma’ Said u reġa’ alluda għal dwar kemm kien diffiċli għalih li jagħmel kif kien qed jintalab minn Said. Dik it-telefonata nqatgħet ħesrem u minn dakinhar sal-lum, Jo Said ma rnexxielux jerġa’ jagħmel kuntatt ma’ David Agius. Id-deputat nazzjonalista lanqas ma wieġeb għal żewġ emails li bagħtlu Jo Said u li fihom fakkru bl-eżatt x’intqal bejniethom. it-torċa ukoll ipprovat taqbad lil David Agius għall-verżjoni jew kummenti tiegħu, iżda bqajna mingħajr tweġiba. Dak kollu li Jo Said tkellem mat-torċa huwa ġuramentat u jekk jintalab lest jixhed dwar dan u aktar anke fil-qorti. |