Opinjoni


It-Torċa - Is-Sibt 13 ta' Settembru 2003

Habib Zebbugi

minn Joe Brincat


Il-politika tista’ tkun holma, imma mhux il-hin kollu. Bhall-hajja. Tghix b’ghajnejk miftuha parti kbira mill-jum (jekk ma tkunx ghazzien u aktar torqod milli thares lejn id-dawl tax-xemx) imma torqod ukoll u tohlom.

Il-kwistjoni ta’ l-Unjoni Ewropea qed tqajjem diskussjoni u hemm min qed isostni li Malta ghandha taghmel minn kollox biex tohrog. Suggeriment iehor li qed idur huwa li meta l-Partit Laburista jkun fil-gvern ghandu jinnegozja mill-gdid il-ftehim.

Dawn il-paroli digà smajthom wara r-rizultat tal-elezzjoni. Anzi smajt aktar minn hekk u tbissimt. Nahseb in-nies jiftakru meta kien hemm min qal li l-ewwel l-Unjoni Ewropea ghandha tibghat il-flus bil-quddiem f’bank Malti, u wara jibdew id-diskussjonijiet halli jinbidel il-ftehim. U l-bicca l-ohra tac-cajta kienet li l-flus kellhom jaslu fi ftit jiem.

Ghaddew il-gimghat u issa ghaddew ix-xhur, u ma jidhirx li l-Unjoni Ewropea baghtet il-flus f’bank Malti. Forsi ma kellhomx in-numru tal-kont fejn jibghatuhom! Dawn huwa holm, holm li fih min ikun qed johlom jimmagina lilu nnifsu li jrieghed lid-dinja u kulhadd joqghod ghal dak li jpaspar hu.

Il-fatti huma xort’ohra. Il-Gimgha fil-ghodu lqajt ma’ habib zebbugi, li ilni nafu zmien, u nirrispettaw lil xulxin sewwa. Mohhu car u mohhu dejjem jhewden fuq il-politika. Mhux biex jitkessah jew biex jikseb ghalih, imma l-politika jifhimha bhala dak li ghandu bzonn il-pajjiz. Ma niddejjaqx nitkellem mieghu, ghaliex fuq kollox ilsienu jaqilghu, l-argumenti jkun gharbilhom minn mohhu, u kliemu jkun meqjus. Iz-zoghzija tieghu taghmlu ftit aktar qawwi, imma ma twelidx cuc, u minkejja li bhal kulhadd beda fil-benniena, saqajh nizzilhom sodi ma’ l-art. Qabadli fuq din il-kwistjoni u tajtu l-fehma tieghi. Dan hu politiku bis-sens, minkejja li ftit jafu bih, u forsi ismu ssemma rari u ’l hawn u ’l hinn.

Ir-realizmu politiku llum, u naghmel enfasi fuq il-kelma ‘illum’, huwa li la l-poplu fil-maggoranza tieghu ddecieda li jrid li Malta tidhol fl-Unjoni Ewropea, u hekk se jsir, trid tkun iblah jew halliem biex tipprova timbotta lill-Partit Laburista li jhaddan politika li ‘nohorgu’. Jekk il-Partit Laburista jrid johrog, jista’ jaghmel dan ghalih wahdu u fejn jidhol hu. Nghidu ahna ma jikkontestax bil-kandidati tieghu ghall-elezzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Imma b’daqshekk? Is-siggijiet vojta malajr jimtlew minn haddiehor, jigifieri mill-kandidati nazzjonalisti. L-istess bhalma jsir fil-kunsilli lokali fejn ma jkunx hemm ‘contest’. Imma mill-bqija?

Trid tkun halliem u forsi tixtieq taghmel hoss li tghid li tista’ tinnegozja l-ftehim mill-gdid. Min ghandu l-awtorità li jaghmel ftehim, illum, jew li jibdel il-ftehim? Huma tnejn. Naha hemm mil-gvern Malti u n-naha l-ohra hemm l-Unjoni Ewropea. Jekk ma jiftehmux dawn, mhux se jsir tibdil. Issa li tohlom li fuq pressjoni u meetings u krucjati u mitt elf loghba ohra se tipperswadi l-gvern tal-lum li jipprova jbiddel dak li ftiehem, tkun qed tistenna l-mirakli. Ir-raguni hija li dak l-ftehim hu l-baby tieghu, u ma jistax jara ftehim isbah minnu. Min-naha ta’ l-Unjoni, imbaghad, dawn ghandhom is-sahha, u mhux se jintilfu fuq nitfa bhalma ahna ahna. Fl-ewwel ta’ Mejju, 2004, min se jkun fil-gvern? Jekk ma jkunx hemm terremot bhalma kellu l-Partit Laburista fil-gvern bejn 1996 u 1998, u ma tkunx qed tohlom, se jkun gvern nazzjonalista li se jiffinalizza kollox.

Ir-realizmu politiku jghallmek ukoll li kull haga gdida jkollha l-honeymoon taghha. Qabel il-Maltin ikunu daqu l-qares tar-regoli tal-Unjoni, mhux la kemm twebbilhom li tohrog. Jekk jinqarsu u ma jkunux lahqu draw il-gidma u l-qarsa, allura tista’ b’xi mod tinfed fl-imhuh. Imma r-realizmu politiku jghidli li l-Maltin, sakemm ikunu jhossuhom kbar mal-barrani l-kbir, ma jiddejqu xejn li jhossu l-qarsa u l-gidma. Jew jitghallmu jduru mar-regolamenti u l-ordnijiet u ghalihom il-hajja tibqa’ ghaddejja. Inkella se jbiddel il-fehma tan-nies? Il-meetings fil-pjazez ta’ Malta? Rajna minnhom sahansitra fuq it-television, u l-folla dejjem tickien. Jekk wiehed ihares lejn l-istorja ta’ Malta dejjem meta gie sid barrani kien hemm reazzjoni. Jew dawk li xtaqu li jibqa’ ta’ qabel, imma ftit kienu dawk li ma riedu lil hadd. Nahseb li kien Manwel Dimech l-ewwel wiehed li tkellem car.

It-tieni parti hija li tibdil jew hrug jista’ jsir meta l-partit ikun fil-gvern. Ikunu realistici! Jekk il-partit kellu johrog bi programm li jghid li se johrog jew ibiddel u jaqleb rasu ’l isfel il-ftehim, kemm se jkollu opportunità li jkun fil-gvern biex iwettaq il-programm tieghu?

Ghaliex mhux billi tinbah, irid ikollok is-snien biex tigdem. Inkella taghmel il-meetings u taghmel il-kundizzjonijiet, imma ziggi jaghtu kasek.

Forsi hemm xi hadd li ghandu nteress li johloq dan it-tahwid halli l-partit ma jkunx fil-gvern? Ma nistghux insiru bhall-partit monarkiku taljan, li meta spiccat il-monarkija b’referendum, baqa’ bl-istess fehma, sakemm sparixxa. Kulhadd dabbar rasu band’ohra, minkejja li fir-referendum kellhom ghadd kbir ta’ voti. Kienet tkun differenti l-istorja kieku gvern Laburista baqa’ sal-2001 mill-anqas, imma dan issa huwa holm. Bil-haqq, il-habib tieghi zebbugi huwa Eric Cilia.