Fil-Malta Enterprise kienu bosta l-ħaddiema li din il-ġimgħa ġew fid-dubju dwar jekk Alan Camilleri, il-kap eżekuttiv ta’ din l-awtorità, bidilx il-ħsieb tiegħu dwar il-memo kontroversjali li ħareġ ftit tal-ġimgħat ilu dwar kif l-impjegati ta’ ME għandhom jidhru fuq ix-xogħol.
Dan għax f’intervista li kellu mall-aħbarijiet ta’ Television Malta xejn ma kien “well groomed”, stqarrew ħaddiema li tkellmu magħna. B’wiċċ leħja u liebes T-Shirt, Camilleri aktar kien qisu sejjer ħdejn il-baħar milli għal intervista fuq it-televiżjoni.
“Il-memo b’dawk id-dettalji żejda, kienet wisq. M’għaddiex wisq żmien biex intbaħna għax iċ-‘chairman’ innifsu kien intervistat fuq l-aħbarijiet b’t-shirt u b’wiċċu mimli leħja,” qal ħaddiem li tkellem magħna.
F’memo li ħareġ ftit tal-ġimgħat ilu, Alan Camilleri, talab li l-mustaċċi jkunu mirquma, ma jintlibsux imsielet imdendla, ma jsirx wisq make-up, il-ħad-diema jżommu n-nifs frisk u fost oħrajn ma jilbsux iktar minn ċappetta waħda f’kull id.
Il-memo kienet tgħid ukoll li l-impjegati għadhom jipproġettaw dehra professjonali tagħhom infushom. Intqal lilhom ukoll biex jaħslu snienhom wara li jieklu u lill-irġiel biex ma jkollhomx kartieri ħoxnin fil-but ta’ wara.
Camilleri saħansitra bagħat lill-Kap tar-Riżorsi Umani tal-ME lura lejn darha darbtejn għax mżgħoġbuhx ħwejjiġha. Issa, ngħidu aħna, din il-Kap tar-Riżorsi Umani se toħroġ “charge” lil Camilleri għax ma mexiex mal-memo li ħareġ hu stess?
|