ERBA’ żgħażagħ, lebsin flokkijiet suwed, il-bieraħ filgħodu ġarrew tebut minn Misraħ il-Ħelsien sa Triq il-Merkanti akkumpanjati mid-daqq tat-tnabar u ġemgħa ta’ nies li fil-parti l-kbira tagħhom ukoll kienu żgħażagħ lebsin l-iswed.
Imma fit-tebut ma kien hemm l-ebda katavru. Mhux għax intesa imma għax il-funeral ma kien xejn għajr marċ funebri organizzat mill-Front Kontra ċ-Ċensura b’reazzjoni għall-aħħar emendi fil-liġi u ċ-ċensura li qiegħda ssir fil-konfront ta’ kitba u drammi.
Bil-kliem “Art is Dead” (L-Arti hija mejta) miżbugħ fuqu, it-tebut kien l-attrazzjoni prinċipali ta’ din il-protesta li għaliha attendew fost oħrajn kittieba, mużiċisti, persuni nvoluti fid-drama kif ukoll rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika (AD), Moviment Graffitti u l-Partit Liberali Malti.
Quddiem u wara l-“korteo” imxew numru ta’ pulizija fejn dawk ta’ quddiem minn ħin għall-ieħor bdew jitolbu lil min kien wieqaf fit-triq tal-mixja biex jersaq fil-ġenb. Ma naqsux in-nies li b’kurżità waqfu biex jaraw dak li kien qed iseħħ u turisti li bl-apparat fotografu tagħhom ġibdu ritratt bħala rikordju.
Malli l-“korteo” wasal quddiem l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu faċċata ta’ Kastilja, it-tebut tniżżel mal-art u l-ġemgħa daret miegħu biex tisma’ x’kellhom jgħidu l-organizzaturi tal-mixja.
Ingmar Bondin, wieħed mill-organizzaturi, qal lil dawk preżenti li bħal dan iż-żmien sena kienu ipprotestaw għax kien hemm sitt każi ta’ ċensura f’sena, mentri fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-każi ta’ ċensura kienu diġà telgħu għal tmienja.
Fost l-arti milquta miċ-ċensura hemm id-dramm “Stitching”, in-novella “Porno” ta’ Irvine Welsh, il-bijografja tal-Marquis de Sade, il-kitba ta’ Alex Vella Gera fir-rivista “Realtà”, l-attentat fuq il-lirika waqt il-karnival t’Għawdex u l-passi kontra min jilbes kostumi ta’ figuri Bibbliċi, il-manekini bla ħwejjeġ waqt dimostrazzjoni kontra l-iskjavitù u l-aħħar każ li jinvolvi wirja ta’ pittura erotika fil-Festival t’Għaw-dex.
Liebes ingravata sewda, Bondin wissa li l-mewġa ta’ ċensura qiegħda tiżdied waqt li ħraxu l-pieni u l-multi għal min jinsab ħati li xerred materjal pornografiku.
Waqt li għamilha ċara li l-Front Kontra ċ-Ċensura huwa kontra l-pornografija tat-tfal, il-kelliem sostna li l-pożizzjoni tagħhom dejjem kienet l-istess anke jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern ipprova jagħti x’jifhem mod ieħor.
Bondin saħaq li l-Istat m’għandux jindaħal x’jaraw l-adulti u waqt li għandu jipproteġi lit-tfal m’għandux jittratta lill-adulti daqs li kieku kienu tfal.
Huwa staqsa kif l-awtoritajiet jippermettu lill-individwi li jilħqu ċerta età d-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali u bil-vot tagħhom jiddeterminaw il-futur tas-soċjetà meta mbagħad iridu jindaħlulu x’jara jew ma jarax.
Waqt li fisser il-mod kif qiegħda titħaddem iċ-ċensura bħala “reġim ta’ terrur artistiku”, Bondin saħaq li bl-aħħar emendi fil-liġi artist se jkollu mannara fuq rasu fuq dak li jagħmel. Huwa qal li dan huwa sinjal ta’ intolleranza li hawn fil-pajjiż lejn dak kollu li jista’ ma jinftihemx.
Tkellem ukoll Mark Camilleri, l-editur tar-rivista “Realtà”, fejn dan qal li l-affarijiet jidhru li qegħdin jiċċaqilqu minn mindu bdew jipprotestaw.
Waqt li kkritika d-deċiżjoni tal-qorti dwar id-dramm “Stitching” u l-vot unanimu fil-Parlament favur Artiklu 208 li jżid il-multi u l-pieni fil-konfront ta’ kitba meqjusa oxxena, Camilleri kkritika lill-Partit Laburista (PL) talli l-ewwel qal li ma jaqbilx ma’ dan l-Artiklu u mbagħad ivvota favuru.
Huwa qal li l-Front Kontra ċ-Ċensura ried jiltaqa’ mat-tliet mexxejja tal-partiti ewlenin f’pajjiżna imma waqt li Lawrence Gonzi ma riedx jiltaqa’ magħhom, Joseph Muscat u Michael Briguglio aċċettaw.
Il-kelliem sostna li mill-Partit Laburista kien mgħarraf li jaqblu mal-proposti tal-Front minbarra dik tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon, waqt li l-AD qablet mal-proposti kollha tagħhom.
Skont Camilleri, membri parlamentari Laburisti kienu se jattendu għall-mixja simbolika imma meta l-organizzaturi tal-protesta nfurmawhom li l-Partit Laburista kien se jkun ikkritikat iddeċidew li ma jmorrux.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-AD Michael Briguglio faħħar lil Bondin u lil Camillleri għad-diskors “illuminanti” tagħhom u qal li l-għedewwa tagħhom ma jieħdux gost bi protesti bħal dawn.
Waqt li qal li ma jeħodhiex bi kbira jekk il-PN ikun favur iċ-ċensura għax huwa parti konservattiv, il-kelliem ikkritika lill-PL għax skont hu għandu “politika diżonesta” fejn jinteressah biss li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.
Briguglio ikkritika wkoll lill-PL talli jgħid li huwa progressiv u moderat u ddeskriva din il-frażi bħala “skizofrenija politika” ta’ partit li donnu jrid jogħġob lil kulħadd.
L-aħħar kelliem fil-protesta kien John Zammit, mexxej tal-Partit Liberali Malti, fejn qal li huma għadhom partit żgħir u pjuttost ġdid madanakollu l-pożizzjoni tagħhom hija kontra ċ-ċensura barra li favur id-divorzju u l-abort.
|