Il-Ġermaniż Sebastian Vettel fuq Red Bull se jibda l-Grand Prix tal-Ġermanja tal-lum f’Hockenheim fl-ewwel post wara li rnexxielu jissupera lill-Ispanjol Fernando Alonso tal-Ferrari bi frazzjoni ta’ sekonda.
Vettel, li għandu 23 sena, rebaħ is-sitt Pole fi 11-il tiġrija u l-10 Pole għat-tim tiegħu tar-Red Bull iżda kien qiegħed iċaħħad ukoll lill-Ferrari mill-ewwel Pole Position tagħhom sa mill-2008. Madankollu din hija l-ewwel darba wkoll f’dan l-istaġun li Alonso se jibda mill-ewwel filliera.
Vettel irreġistra l-aktar ħin veloċi eżatt fi tmiem is-sessjoni tal-provi ta’kwalifikazzjoni u għalkemm Alonso kien warajh ma rnexxielux jilħaq il-ħin tiegħu għal frazzjoni ta’ sekonda.
Il-Brażiljan Felipe Massa se jibda t-tiġrija tal-lum mit-tielet post. Ta’ min isemmi li llum se jkun l-ewwel anniversarju mill-aċċident tal-Grand Prix fl-Ungerija li wassal għat-tmiem tal-istaġun 2009 għalih meta spiċċawkoll fl-isptar minħabba ġrieħi li sofra f’rasu.
Is-sewwieq l-ieħor tar-Red Bull, Mark Webber, rebbieħ ta’ tliet tiġrijiet f’dan l-istaġun, se jibda mir-raba’ post wara li tilef ftit ħin meta żbalja f’kantuniera.
Iż-żewġ sewwieqa tal-McLaren, iċ-champion renjanti Jenson Button, u Lewis Hamilton se jibdew ħdejn xulxin fit-tielet filliera meta spiċċaw fil-ħames u s-sitt post rispettivament. Din se tkun l-ewwel darba li Button irnexxielu jissupera lil Hamilton fil-kwalifikazzjoni.
Il-Pollakk Robert Kubica ikkwalifika fis-seba’post għal Renault filwaqt li l-Brażiljan tal-Williams, Rubens Barrichello, se jibda mit-tmien post.
Fil-ħames filliera se jibdew żewġ sewwieqa Ġermaniżi, Nico Rosberg tal-Mercedes u Nico Huelkenberg ta’ Williams.
L-eks champion mondjali, Michael Schumacher, ma rnexxielux jgħaddi għall-aħħar sessjoni ta’ kwalifikazzjoni u kellu jikkuntenta bil-11-il post.
Sadanittant l-ewwel parti tal-kwalifikazzjoni twaqqfet għal madwar tmien minuti wara li t-Taljan Vitantonio Liuzzi tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu Force India u baqa’ dieħel fil-ħajt tal-pitlane. Għalhekk kellha titnaddaf it-track.
Sieħbu fl-istess tim, Adrian Sutil ikkwalifika fl-14-il post iżda se jkollu jibda ħames postijiet wara, jiġifieri mid-19-il post, minħabba li se jibdel il-gearbox.
TV – Il-Grand Prix tal-Ġermanja se jintwera dirett fis-2.00 p.m. fuq Rai1 u Go Sports
Kif ikkwalifikaw
1. Sebastian Vettel (Red Bull) 1:13.791
2. Fernando Alonso (Ferrari) 1:13.793
3. Felipe Massa (Ferrari) 1:14.290
4. Mark Webber (Red Bull) 1:14.347
5. Jensn Button (McLaren) 1:14.427
6. Lewis Hamilton (McLaren) 1:14.566
7. Robert Kubica (Renault) 1:15.079
8. Rubens Barrichello (Williams) 1:15.109
9. Nico Rosberg (Mercedes) 1:15.179
10. Nico Huelkenberg (Williams) 1:15.339
11. Michael Schumacher (Mercedes) 1:15.026
12. Kamui Kobayashi (BMW Sauber) 1:15.084
13. Vitaly Petrov (Renault) 1:15.307
14. Adrian Sutil (Force India) 1:15.467
15. Pedro de la Rosa (BMW Sauber) 1:15.550
16. Jaime Alguersuari (Toro Rosso) 1:15.588
17. Sebastien Buemi (Toro Rosso) 1:15.974
18. Jarno Trulli (Lotus) 1:17.583
19. Heikki Kovalainen (Lotus) 1:18.300
20. Timo Glock (Virgin) 1:18.343
21. Bruno Senna (HRT) 1:18.592
22. Vitantonio Liuzzi (Force India) 1:18.952
23. Sakon Yamamoto (HRT) 1:19.844
24. Lucas Di Grassi (Virgin)
|