Fi tmiem din il-ġimgħa qiegħed ikompli l-istaġun tal-muturi fl-Istati Uniti fuq iċ-ċirkwit ta’ Laguna Seca fejn l-Awstraljan tad-Ducati, Casey Stoner, qiegħed jittama li jwaqqaf is-sensiela negattiva u jirritorna għar-rebħ.
Stoner ilu ma jirbaħ minn Sepang tal-2009 u issa ilu disa’tiġrijiet ma jitla’ fuq l-ogħla post tal-podium. Din hija l-itwal sensiela negattiva għal Stoner iżda wara l-ewwel provi tal-Ġimgħa, l-Awstraljan jista’jsaħħaħ it-tamiet tiegħu meta rreġistra l-aħjar ħin.
Huwa spiċċa quddiem l-Ispanjol tal-Yamaha, Jorge Lorenzo, li jinsab ukoll fl-ewwel post tal-klassifika ġenerali.
Wara l-provi Stoner qal: “Fl-ewwel provi pprovajna diversi tibdil li sar fuq il-mutur għal iktar stabbilità u l-indikazzjonijiet huma pożittivi meta rreġistrajna l-aħjar ħin. Iżda rridu noqogħdu attenti għax matul dan l-istaġun mhux l-ewwel darba konna l-aħjar il-Ġimgħa u mbagħad tlifna l-pass”.
Fit-tielet post spiċċa Andrea Dovizioso fuq Repsol Honda. It-Taljan Valentino Rossi li għadu qiegħed jirkupra minn ksur f’siequ u spikka fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Ġermanja, reġa’ kellu provi tajbin meta spiċċa fis-sitt post.
Minħabba d-diskrepanza fil-ħin, matul dan il-lejl saru l-provi ta’kwalifikazzjoni filwaqt li matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn issir it-tiġrija f’Laguna Seca.
TV – Il-GP tal-MotoGP fl-Istati Uniti se jintwera dirett fil-10.50 p.m. fuq Canale5
|