Floriana FC kellhom ifittxu post alternattiv fejn jagħmlu t-taħriġ tagħhom wara li ma setgħux jużaw il-faċilitajiet fix-Xagħra tal-Floriana minħabba tilwima li nqalgħet dwar il-kuntratt bejn il-klabb u Green Investments Ltd li topera l-pitch artifiċjali fix-Xagħra tal-Floriana. Għaldaqstant Floriana FC kellhom jibdew il-pre-season fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun.
Tagħrif dwar din is-sitwazzjoni ingħata f’konferenza stampa mill-president il-ġdid ta’Floriana FC, Johann Said, fejn saħaq li kien kostrett jispjega x’qed jiġri wara li huwa dritt ukoll tal-partitarji li f’dawn l-aħħar jiem staqsew għalfejn it-tim mhux qiegħed jittrenja fix-Xagħra tal-Floriana.
Said qal li minħabba t-tilwima li nqalgħet bejn il-klabb u Green Investments Ltd, il-klabb kellu bilfors ifittex sit alternattiv fejn it-tim jista’ jitħarreġ, avolja l-klabb qiegħed iħallas flejjes konsiderevoli kuljum. Huwa qal li jekk din is-sitwazzjoni mhux se titranġa huwa stmat li l-klabb se jkollu jonfoq madwar €10,000 għat-taħriġ. Huwa nsista li din is-somma tista’ faċilment tiġi investita fil-klabb.
Said qal li l-klabb wasal għad-deċiżjoni li jfittex post alternattiv għat-taħriġ għax bi qbil bejn il-kumitat iħoss li huwa nġust li l-klabb ikollu jħallas biex juża l-faċilitajiet tiegħu stess fil-Floriana.
Said appella lill-partijiet kollha konċernati biex f’din il-kwistjoni jirbaħ is-sens komun fuq l-interessi personali iżda fuq kollox l-interessi ta’ Floriana FC jiġu qabel kollox.
Floriana FC qegħdin jitħarrġu fil-Victor Tedesco Stadium u l-president ta’Floriana FC irringrazzja lill-klabb Ħamruniż għal koperazzjoni u appella wkoll lil dawk li jixtiequ jgħinu lill-klabb finanzjarjament biex itaffi mill-ispejjeż billi jiddepożita donazzjoni fil-kont bankarju tal-Bank of Valletta: 40019189956.
Tkellem ukoll is-segretarju tal-klabb Furjaniż, Matthew Paris, fejn qal li kif intalab fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-klabb saret investigazzjoni dwar il-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn Floriana FC u Green Investments Ltd. Huwa qal li l-konklużjoni tal-investigazzjoni se tingħata f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja li se ssir fit-30 ta’ Lulju fis-7.00 p.m. fil-klabb.
Ingħata tagħrif ukoll dwar il-kampanja akkwisti fejn intqal li l-iskwadra ġiet imsaħħa bl-akkwist b’self taż-żewġ eks plejers tagħhom, Manolito Micallef mingħand Ħamrun Spartans u Christian Cassar mingħand Marsaxlokk. Rigward il-plejers barranin, hemm numru ta’ plejers bi prova iżda għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni.
Għal dan l-istaġun Floriana FC ħatru lill-Bulgaru Todor Raykov bħala d-direttur tekniku l-ġdid li se jkun assistit mill-assistant kowċ Michael Woods u mill-kowċ tal-goalkeepers, Roger Camilleri.
Sadanittant qabel il-konferenza stampa l-eks president ta’Floriana FC u sid il-kumpanija Green Investments Ltd, Tony Zahra, ħareġ stqarrija fejn għamel ċertu allegazzjonijiet dwar it-tmexxija tal-klabb u l-president attwali, Johann Said. Mistoqsi fuq l-istqarrija, dan tal-aħħar qal li mhux qiegħed jeskludi li jieħu passi legali dwarha.
josephfarrugia19@yahoo.com
|