Ħames żgħażagħ Maltin se jkollhom l-opportunità jattendu għal-20 edizzjoni tal-World Children’s Baseball Fair li se ssir f’Tokjo fil-Ġappun bejn id-29 ta’ Lulju u s-6 ta’ Awwissu.
Il-ħamest itfal huma Danjel Aquilina, Max Borg, Sami Elamin, Gabriel Grixti u Nicholas Micallef. Huma se jkunu jistgħu jesperjenzaw dan l-event prestiġġjuż wara li l-Malta Baseball & Softball Association (MABS) ġiet mistiedna tattendi.
Din se tkun it-tieni darba li l-MABS ġiet mistiedna għal dan l-avveniment wara li grupp ta’ tfal Maltin attendew għal World Children’s Baseball Fair tal-1994. Il-president tal-MABS, Mario Debono jqis din l-istedina mill-World Children’s Baseball Foundation bħala opportunità unika għal dawn l-atleti żgħażagħ biex ikabbru l-esperjenza tagħhom f’din id-dixxiplina sportiva li l-MABS tant qegħda tipprova tippromwoviha fost it-tfal Maltin u Għawdxin.
L-għażla tal-ħames plejers żgħażagħ li se jmorru l-Ġappun saret minn fost grupp tajjeb ta’plejers li din is-sena ħadu sehem fil-kampjonat tal-kadetti organizzat mil-MABS. Wara li saret l-għażla, il-ħames plejers żgħażagħ Maltin ilhom għal dawn l-aħħar xahrejn jippreparaw.
L-Amerikan li kien jilgħab fil-Major League, Hank Aaron u l-leġġenda Ġappuniż, Sadaharu Oh, waqqfu l-World Children’s Baseball Foundation u jorganizzaw dan l-avveniment annwali biex jippromwovu l-baseball fost it-tfal ta’etajiet bejn l-10 u l-11-il sena u minbarra hekk ikabbru l-ħbiberija u jkattru l-kulturi bejn nazzjonalitajiet differenti.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jieħdu sehem tfal minn 23 pajjiż fosthom mill-Kanada, iċ-Ċina, Franza, l-Italja, il-Ġappun, l-Olanda u l-Istati Uniti. Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità jitgħallmu t-teknika tal-baseball minn kowċis professjonali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Baseball.
Il-Malta Baseball & Softball Association tirringrazzja lil Mallieħa Sports Club u Sportmania (Għawdex) għall-appoġġ kbir tagħhom biex setgħu jsiru l-preparamenti kollha meħtieġa għal World Children’s Baseball Fair.
RITRATT: Il-kowċ Charles Attard flimkien mal-ħames plejers żgħażagħ Maltin li se jmorru Tokjo fil-Ġappun (mix-xellug) Sami Elamin, Gabriel Grixti, Nicholas Micallef, Max Borg u Danjel Aquilina
|