|
Fr Colin,
Xi ġimgħat ilu ktibtlek dwar il-kruċjati li se tagħmel il-Knisja Maltija f’isem id-divorzju. Ktibtlek li anki jekk inti qed tgħid li l-Knisja Maltija mhix se tagħmel kruċjati kontra d-divorzju imma jiena konvint li se tqabbad lil ħaddieħor jorganizzalha dawn il-kruċjati. Inti ktibt li ż-żmien tal-kruċjati għadda imma jiena konvint li l-Knisja Maltija se torganizza l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista u din se tagħmlu permezz tal-kruċjati kontra d-divorzju.
Dak li qed jiġri f’Ħaż-Żebbuġ ikompli jikkonferma dak li ktibtlek.
Il-Knisja ħarġet dak il-poster DIVORZJU: ALLA MA JRIDUX!
Għax ma tiktbux: PEDOFELIJA: ALLA MA JRIDUX!
Huwa veru li l-Kurja qalet li mhix hija li ħarġet dik il-kitba. Imma hija inizjattiva privata ta’ parroċċa u l-Kurja ma tindaħalx!
Ara b’min tridu *****!
Dak kollu li jiġri fil-parroċċa huwa responsabbiltà tal-Arċisqof u ma jistax jgħid li ma tax il-permess huwa.
Jekk veru ma jaqbilx ma’ din l-inizjattiva allura għax ma qalilhomx ineħħuha?
Allura Fr Colin, nisfidak tgħidli jekk Alla jridx il-korruzzjoni!
Nisfidak tgħidli jekk Alla jridx li aħna ċ-ċittadini jsallbuna bil-pagi u perkaċċi li għandhom il-kbarat u povri aħna li għandna paga uffiċjali u ma nistax niddikjara inqas mid-dħul li għandi!
Għaliex il-Knisja tiegħek moħħha biex tgħid kontra l-gays; kontra min iż-żwieġ fallielu u issa sab persuna li jista’ jerġa’ jibni ħajtu mill-ġdid u jagħti lil uliedu familja stabbli; kontra l-politiċi li jemmnu li jridu jgħaddu leġiżlazzjoni ġusta biex jagħtu l-legalità lil min qed ipoġġi u m’għandux protezzjoni mill-Istat; Għaliex il-Knisja tiegħek titkellem fuq id-divorzju imma ma ssemmi xejn dwar il-ko-abitazzjoni. Għax tal-ewwel ħareġ biha Dr Joseph Muscat u l-oħra hija tal-gvern tagħkom?
Għaliex il-Knisja tiegħek ma tiftaħx ħalqha dwar l-iskandlu tal-White Rocks? L-iskandlu tas-Super Yachts? L-iskandlu tal-Mater Dei? L-iskandlu ta’ Ħondoq ir-Rummien? In-nies bla xogħol, in-nisa li jridu jmorru jaħdmu part-time (għax m’hawnx full-time!) biex ilaħħqu mal-ħajja u jżommu l-familja flimkien?
Ma nistax nifhem xi knisja hi din li tinkwieta fuq id-divorzju imma ma titkellem xejn dwar dawn il-kondizzjonijiet li qegħdin jimminaw il-familji Maltin. Mela l-fallimenti fiż-żwieġ jiġru biss minħabba l-immoralità u l-egojiżmu jew minħabba wkoll il-kundizzjonijiet inġusti li naraw madwarna u li jkissru ż-żwiġijiet?
Il-gvern jaf li r-rekord tiegħu huwa mimli b’korruzzjoni, inġustizzji u li min għandu l-ħbieb tal-ħbieb qed igawdi u jgawdi. L-oħrajn qegħdin inkunu mwarrba.
U l-Knisja tiegħek tibqa’ gallerija għax titkellem biss meta tmissilha l-but jew jonqsilha l-poter.
Il-Knisja tiegħek għax ma tħallix lill-PN imexxi l-kampanja elettorali tiegħu flok il-Knisja torganizzalu permezz ta’ terzi persuni l-kruċjati?
Tas-Sixties
Il-Knisja hija aħna lkoll
Ippruvajt inħalli din l-ittra
kif inhi, kemm stajt. Ħallejt
barra ismijiet ta’ nies li
m’hemmx għalfejn nippubbli-kahom għax xorta waħda l-punti tiegħek għamilthom ċari. Nippubblika wkoll din l-ittra għax nemmen li inti preokkupat bis-sitwazzjoni u anki għax dak li qed tgħid jirrifletti l-mod kif qegħdin jaħsbu xi wħud fil-Knisja u barra minnha.
L-ewwelnett il-Knisja, min jaf kemm-il darba għedniha, mhix il-Kurja jew l-Arċisqof jew il-qassisin. Il-Knisja hija magħmulha minn kull wieħed u waħda minna. Permezz tal-magħmudija aħna lkoll sirna saċerdoti. Aħna lkoll, għalhekk, aħna responsabbli. Aħna lkoll, għalhekk, għandna nitkellmu u ngħidu kif qegħ-din inħossuna b’dak li qed jiġri jew b’dak li mhux qed jiġri.
Iffirmajt “Tas-Sixties”. Is-sittinijiet ilhom li għaddew xi ħamsin sena u niżgurak li bosta mill-qarrejja kienu għadhom lanqas biss twieldu. Is-sittinijiet trid tifhimhom, bħal kull avveniment storiku, fil-kuntest li sar. Ma tistax toħorġu barra mill-kuntest tiegħu.
Fis-sittinijiet saru bosta inġustizzji. Ma’ nies dgħajfin. Minħabba twemminhom. Il-Knisja talbet skuża kemm-il darba. Mhix hi biss kellha titlob skuża. Imma għamlet l-ewwel pass.
Nifhem li min bata huwa u l-familja tiegħu jew tagħha jibqa’ mweġġa’.
Ktibt kemm-il darba, u mhux biss, li nħoss li għandu jsir iżjed biex inwieġbu għal dawn il-weġgħat.
Dak li għamel fis-skiet mal-ħabib tiegħi, u tagħkom, Lino Cassar, kitbu huwa stess – il-laqgħat siekta li kellu mal-Arċisqof Pawlu Cremona. Dan huma modi kif tressaq l-id tal-ħbiberija lil min iħossu urtat.
Imma ma naħsibx li nistgħu nibqgħu nsemmu s-sittinijiet biex nagħlqu ħalq il-Knisja. Kulħadd għandu dritt isemma’ leħnu – anki l-maġisteru!
U lanqas ma nista’ naċċetta dak li ktibt dwar il-pedofelija. Jekk hemm istituzzjoni fid-dinja li ħadet “stand” ċara kontra l-abbużi tat-tfal din kienet il-Knisja Kattolika. Kien il-Papa. Minkejja li kien hemm min kellu aġenda biex iħammeġ lilu u lill-Knisja kollha. Alla ma jridx id-dnub, taħt kwalumkwe forma li jip-preżenta ruħu.
Huwa nġust, inħoss, li tip-
prova tagħlaq ħalq min hu kontra d-divorzju billi takkużah b’pedofelija.
Semmejt lista sħiħa ta’ dak li inti tqis bħala korruzzjoni, inġustizzja, eċċ. Bħalma hawn min jiżbalja li joħloq klima anti-familja, hekk ukoll hawn min jiżbalja u jieħu sehem fil-korruzzjoni, inġstizzja, eċċ.
Kemm-il darba l-Isqfijiet tkellmu dwar korruzzjoni, inġustizzja, eċċ..
Jistgħu jitkellmu iżjed?
Jistgħu jitkellmu iżjed ċar u tond?
Jistgħu flok jitkellmu b’mod vag u ġenerali ikunu iżjed speċifiċi?
Biex jintużaw bħala ballun politiku partiġġjan?
Imma d-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-individwu xorta waħda jridu jkunu difiżi b’mod ċar u tond, b’mod speċifiku, anki jekk xorta waħda taqlagħha minn kull min tirfislu l-kallijiet.
Il-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent, għadha kif ħarġet stqarrijiet fejn ħadet “stand” ċara u tonda kontra l-isfruttament ta’ Ħondoq ir-Rummien u kontra n-nuqqas ta’ xogħol f’Għawdex. Anki din il-Kummissjoni hija l-vuċi tal-Knisja.
Tiftakar meta l-Arċisqof Mercieca, bniedem prudenti, tkellem ċar u tond dwar il-MEPA?
M’għandix fiduċja fil-politiċi kollha. Hemm min qiegħed fil-Parlament biex iservi u jaqdi u hemm min qiegħed hemm biex jagħmel il-flus. Ma naħsibx li hu faċli li min jakkwista l-poter jibqa’ bħall-mara ta’ Pilatu. Min idum fil-poter għandu t-tendenza li jsir korrott. Għax il-poter jikkorrompi. U l-poter assolut jikkorrompi assolutament.
Knisja li tingħaqad mal-poter, tħallas il-prezz ta’ meta jkun skreditat dak il-poter.
Meta l-Knisja Maltija, jew min jidher f’isimha, jagħti l-impressjoni li rikeb il-karru politiku partiġġjan ikun qed
jikkundanna l-Knisja biex tħallas prezz għoli ta’ kredib-biltà.
Li jieħu ġenerazzjonijiet biex jissewwa.
Imma l-bniedem sħiħ u d-dinjità tiegħu huma l-qofol tar-raison d’etre tal-Knisja – u trid tħallas il-prezz biex tiddefendih.
Jiena konvint, u din hi l-opinjoni personali tiegħi, li kemm il-PN u kemm il-gvern m’għandhomx bżonn tal-Knisja Maltija biex jorganizzaw kampanja elettorali. Għandhom riżorsi b’saħħithom biżżejjed, nies kapaċi biżżejjed, biex jagħmlu dan. Ilhom fil-poter biżżejjed li jafu kif imexxu l-aġenda tagħhom. Personalment għandi fiduċja fil-PM Law-rence Gonzi. Hu politiku. Konvint mill-konvinzjonijiet tiegħu. Ma jfissirx li dak li qed ngħid fuqu jgħodd għal kull persuna madwaru.
Joseph Muscat għandu viż-
joni realistika li taqbel mal-bżonnijiet reali tal-Maltin. Per-sonalment, ħallasat il-prezz ta’ rakkomandazzjoni li għamilt. U llum ma jiddispjaċinix.
|