|
MINBARRA t-tifsir negattiv tagħha, il-kelma ‘kompliċità’ jista’ jkollha wkoll tifsir pożittiv għani ħafna. Dan it-tifsir jista’ jgħinna biex niskopru xejriet tal-esperjenza umana li għandhom il-ħila jgħinuna nsaħħu relazzjonijiet ta’ sħubija u ftehim.
L-etimoloġija tal-kelma
Etimoloġikament, il-kelma ‘kompliċità’ ġejja mill-kelma Latina ‘complicare’, li tfisser ‘titwi flimkien’, bħal meta jkollok xi biċċtejn drapp jew karta u tqegħidhom eżatt ma’ xulxin. Għaldaqstant, minnha nnifisha, il-kelma timplika ċertu xebh u reċiproċità ta’ ħaġa ma’ oħra. Fuq il-lat uman, il-kelma bdiet tintuża għal dak il-ftehim mill-qrib bejn il-persuni.
Iżda bħalma aktarx jiġri dejjem fl-użu tal-kliem, maż-żmien it-tifsira tal-kelma djieqet u bdiet tintuża, mhux għal kull sħubija u ftehim, imma għal dik biss li ssir bejn persuni li jissieħbu flim-kien biex iwettqu xi ħaġa ħażina. B’hekk, ftit ftit it-tifsir oriġinali u ġenerali tal-kelma ntilef u ntesa, u baqa’ biss dak idjeq u negattiv.
Is-sejbien mill-ġdid tal-implikazzjonijiet pożittivi tal-kelma ‘kompliċità’ u l-użu tagħha, kif ukoll tal-indikazzjonijiet li tagħtina mil-lat ta’ relazzjonijiet umani, teħodna lura għall-iskoperta ta’ realtajiet li aktarx huma essenzjali għall-bini ta’ sħubijiet u ftehimijiet speċjali, intimi u produttivi.
Paulo Freire
Jidher li wieħed mill-ewle-
nin li, għallanqas b’mod pub-bliku, influwenti u mifrux, reġa’ skopra l-lat pożittiv tal-kelma ‘kompliċità’ kien l-edukatur u l-filosfu Brażiljan magħruf, Paulo Freire (1921-1997). Hu jitħaddet dwar dan l-aspett tal-‘pedagoġika kritika’ tiegħu f’diversi kitbiet, imma l-aktar f’‘Conscientizar para Libertar’ (Għarfien għall-ħelsien), ktieb ippubblikat fl-1979, editjat minn Carlos Alberto Torres.
Skont stqarrija tal-2008 li għamlet it-tieni mara tiegħu, Nita (Ana Maria Araújo), Paulo Freire tgħallem it-tifsir l-aktar sħiħ tal-kompliċità miż-żewġ nisa u kollaboraturi li kellu: Elza (Elza Maia Costa de Oliveira, li żżewweġ fl-1944; mietet fl-1986) u Nita nnifisha (li żżewweġ fl-1988).
Skont Paulo Freire nnifsu –
fl-aħħar intervista li kien ta
f’April tal-1997 (lil Luciana Burlamaqui) – jgħid li din il-
kompliċità beda jitgħallimha meta fl-1946 mar jgħix u jaħ-dem mal-fqar f’Pernambuco, qrib Recife (Brażil). Huwa stqarr li tgħallimha fi ħdan tip ta’ għajxien mal-fqar li kkwalifikah bi tliet kelmiet: ‘amorosidade’ (għożża, im-ħabba), ‘lealdade’ (lealtà, sedqa) u ‘camarada’ (xirka, sħubija).
Il-fqar, jgħid Freire, għal-lmuh jgħix ‘fil-fidi’, jiġifieri bi twemmin li ma jagħmilx ferq bejn il-profan u s-sagru; bejn il-materjaliżmu storiku u l-għajxien fi Kristu. Għaraf li kien hemm ‘kompliċità’ (bħalma tgħid il-filosfa u mistika Franċiża Simone Weil) bejn Alla, l-univers u l-fqar.
Kuntest liberatorju
Kien aktarx bit-tnebbiħ ta’ Paulo Freire li fl-Amerika Latina kibret u xxettlet dik li baqgħet tissejjaħ it-‘Teoloġija tal-Liberazzjoni’, speċjalment permezz tal-Peruvjan Gus-tavo Gutiérrez, il-Brażiljan Leonardo Boff, l-Elsalvadoren Jon Sobrino u l-Urugwajan Juan Luis Segundo.
Il-kunċett ferm għani ta’ kompliċità kien parti integrali minn din it-teoloġija. Ir-ra-ġuni hi li t-Teoloġija tal-Libe-razzjoni, bħall-Pedagoġija Kritika ta’ Paulo Freire, ma bdietx mill-ispekulazzjoni teoretika, mill-astrazzjonijiet filosofiċi jew mit-tnebbiħ akkademiku. Bdiet mill-għaj-
xien, it-tiġrib u l-fidi tal-fqar, iż-żgħar u l-magħkusa f’kuntest speċifiku ta’ mħabba, lealtà u sħubija; kuntest spiritwali.
Huma dawn il-kwalitajiet – u oħrajn magħhom – li s-sejbien mill-ġdid tat-tifsira pożittiva tas-sentiment tal-kompliċità tista’ tnissel f’dawk li jagħarfuha. Huma kwalitajiet li jitfgħu dawl fuq x’għamla ta’ lealtajiet inħaddnu aħna; x’sura ta’ sħubijiet bnejna f’ħajjitna; ma’ xiex irbatna l-imħabbiet u għożżiet tagħna.
F’dan is-sens, inti u jien aktarx jeħtieġ li nistaqsu ma’ xiex u ma’ min aħna kompliċi, kemm b’mod attiv u kemm b’mod passiv: Ma’ min jagħmel il-ħażen? Ma’ min jgħassar in-nies? Jew ma’ min jikkontribwixxi fil-ħelsien u l-emanċipazzjoni psikoloġika, soċjali, politika u ekonomika ta’ ħaddieħor?
Id-darba li ġejja, nixtieq nistħarreġ b’mod aktar siste-matiku dan il-kunċett ta’ kom-pliċità.
montebello@gmail.com
|