|
KULFEJN tħares f’dal-pajjiż tisma’ lil min igerger. U bir-raġun. Kollox qisu għaddej għal riħu. Għandna gvern li mhux jiggverna. Res-ponsabbiltà xejn. Possibbli, nistaqsi jien, li dan il-gvern kapaċi jġebbed sal-2013 għaddej f’din ir-rotta?
Għall-kliem sabiħ, għat-teħid tar-ritratti, il-pożi u x-xeni, ma jirbħilhom ħadd. Imma l-poplu mhux dan irid. Il-poplu irid soluzzjonijiet.
Fl-aħħar snin, filwaqt li kontinwament rajna l-piżijiet jiżdiedu, l-aktar fuq dawk il-familji li jifilħu l-anqas għalihom, rajna l-fenomenu jseħħ meta l-pagi tal-ħaddiema effettivament naqsu minflok żdiedu. Fi kliem ieħor, il-ħaddiema qegħdin jiftaqru minflok ma jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. Statistikament jidher mod ieħor, għax il-pagi jidhru li għolew, imma meta tikkonsidra kemm għoliet il-ħajja, kemm żdiedu l-piżijiet fuq il-familji, u taħdem id-differenza ssib li s-somma tiġik bil-minus u mhux bil-plus.
Dan ifisser li effettivament il-politika li miexi biha dan il-gvern qiegħda toħloq il-faqar u mhux il-ġid. Minkejja li nisimgħu tant kliem u dmugħ tal-kukkudrilli dwar il-perċentwal mill-popolazzjoni li jinsab fil-faqar, fil-verità mhux talli l-gvern mhu jagħmel xejn favur dawn il-persuni, talli qed joħloq sitwazzjoni fejn dak il-perċentwal joktor minflok jiċkien. Imma, bilħaqq, kien għoddni nsejt… skont il-prim ministru Lawrence Gonzi, il-faqar f’pajjiżna huwa biss perċezzjoni, jiġifieri xi ħaġa skont kif inhi mistħajla u mhux ir-realtà.
Jien niddubita kif jista’ min jirraġuna b’dan il-mod iressaq proposti konkreti biex il-problema tal-faqar f’pajjiżna tingħeleb. L-ewwel ħaġa li trid tagħmel biex tegħleb problema hija li tirrikonoxxi l-eżistenza tagħha. Jekk ma tagħmilx hekk, kif tista’ qatt teħodha bis-serjetà? Hawn xi ħadd li joħroġ fit-triq ippreparat biex jissielet mad-draguni, la darba mill-esperjenza tagħna nafu li d-draguni jgħixu biss fl-immaġinazzjoni u l-fantasija? Għall-prim ministru Gonzi, sfortunatament, il-faqar f’pajjiżna u d-draguni li nsibu fil-letteratura għat-tfal huma fuq l-istess livell!
Bl-istess mod qegħdin nitrattaw l-edukazzjoni, li hija ċ-ċavetta għall-iżvilupp u l-ġenerazzjoni tal-ġid. Nifirħu b’kemm għaddew studenti mill-eżamijiet u kompletament ninsew insemmu kemm studenti oħrajn, filwaqt li qagħdu għall-istess eżamijiet, m’għaddewx minnhom. Hija ħaġa xierqa u tajba li nifirħu lil min jikseb suċċess. Imma fl-istess waqt ma nistgħux ninjoraw lil dawk li jkunu weħlu. Irridu ngħarrxu u nfittxu bir-reqqa biex insiru nafu x’qed iwassal għal dan. Imma biex nibdew dan il-proċess, mill-ġdid, irridu nirrikonoxxu li l-problema qiegħda hemm u mhux nittantaw naħbuha jew naħarbu minnha bħallikieku ma teżistix.
Għalhekk li ftaħt dan l-artiklu bid-dwejjaq tal-poplu li għandu gvern li mhux jiggverna. Il-gvern nazzjonalista donnu jaħseb li l-iggvernar tal-pajjiż huwa xi ‘beauty contest’, fejn l-importanti huwa kemm jidher sabiħ, ileqq u jlellex. Il-poplu, iżda, mhux tlellix irid. Fehem li mhux kull ma jleqq hu deheb. Il-poplu jrid soluzzjonijiet – u s-soluzzjonijiet ma jiġux jekk il-problemi ma nammettuhomx.
|