www.it-torca.com  
Il-Ħadd 5 ta' Settembru 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Neptunes ċampjins tas-Sajf tal-waterpolo.....

Kajjik ġdid mill-Kalkara għar-Regatta tal-Vitorja.....

22 atleta Malti għal-Logħob tal-Commonwealth fi New Delhi.....

Tennis – US Open:
Il-favoriti jikkwalifikaw.....

Muturi – Grand Prix ta’ San Marino:
Pedrosa l-iktar veloċi fil-kwalifikazzjoni.....

Għal-logħba kontra l-Latvja:
Ivan Woods jieħu post Paul Fenech.....

Swieqi United jippreżentaw l-akkwisti l-ġodda u l-immaġini l-ġdida tal-klabb:
L-għan tagħna li nirbħu iktar punti mill-istaġun li għadda – Roberto Debrincat, kowċ ta’ Swieqi U......

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
FEATURES

Il-mekkanik li rrakkonta l-ħajja ta’ Kristu
minn aleks farrugia

Ftit aktar minn xahar ilu d-dinja tilfet pinna letterarja mill-aqwa. Josè Saramago, rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1998, miet fi Spanja, ‘l bogħod minn pajjiżu – il-Portugall, fit-18 ta’ Ġunju li għadda. Iben il-bdiewa, imħarreġ biex ikun mekkanik, il-ħajja ta’ Saramago ma bdietx f’ambjent li soltu jixpruna lin-nies lejn il-kitba; madankollu, kienu dawn il-karattri ta’ tfulitu – illitterati, foqra, ulied l-art – li influwenzawh fit-tfassil ta’ kitbietu aktar ‘il quddiem matul ħajtu. Komunista konvint, huwa stqarr wara li ngħata n-Nobel, li kieku kellu jagħżel bejn il-prinċipji tiegħu u l-premju li kien għadu kif ġabar, kien jibqa’ jżomm mat-twemmin li nibet fih sforz is-sitwazzjoni politika ta’ art twelidu u l-faqar li trabba fih.

L-aktar xogħol magħruf tiegħu – u aktarx l-aktar wieħed kontroversjali – huwa “O Evangelho Segundo Jesus Cristo”, l-evanġelju skont Ġesù Kristu (• Ara l-kaxxa fil-paġna l-oħra). Dan ir-rumanz, ibbażat fuq il-vanġeli kanoniċi, li Saramago jgħarbel u jistudja minn lenti umanistika għall-aħħar, qajjem agħa fost iċ-ċrieki Kattoliċi u ġab il-kundanna tal-Vatikan permezz tal-gazzetta tiegħu ‘L’Osservatore Romano’. Dan l-‘evanġelju’ jingħaqad ma’ xogħlijiet artistiċi tal-istess xeħta, li ukoll kienu kkundannati minn sezzjonijiet tal-Knisja, l-aktar magħrufin ikunu r-rumanz (li wara sar film) “The Last Temptation of Christ”, ta’ Nikos Katzantzakis u “Il Vangelo Secondo Matteo”, il-film dirett minn Pier Paolo Pasolini.



Bdiewa bla art



Jekk Saramago jista’ jitqies bħala kittieb postmodern, anke jekk hu qatt ma kien jidentifika lilu nnifsu ma’ dan il-moviment filosofiku-artistiku, il-mixja ta’ ħajtu – bl-ironiji, il-kuntradizzjonijiet u l-imprevedibbiltà tagħha – hija xempju ta’ dak li hu postmodern. Kunjomu qatt m’eżista. Id-data uffiċjali ta’ twelidu mhijiex dik ta’ meta twieled. Il-kittieb li ħa l-edukazzjoni letterarja tiegħu mill-iskola tas-snajja. Il-premju Nobel mhux mistenni.

Saramago twieled f’familja ta’ bdiewa mill-aktar foqra, mingħajr art. Issemma għal missieru Josè de Sousa, imma għal xi raġuni biżarra r-reġistratur tal-att tat-twelid minflok kunjom missieru niżżillu l-laqam tal-familja – Saramago – bħala kunjomu. Saramago hija pjanta li tikber fis-selvaġġ u li kienu jikluha l-foqra tal-inħawi, inklużi l-familja de Sousa. It-tfajjel Josè nduna bl-iżball tar-reġistratur meta kellu seba’ snin u kien fl-iskola primarja. ‘Żball’ ieħor huwa marbut mad-data tat-twelid: minkejja li Josè twieled fis-16 ta’ Novembru 1922, iċ-ċertifikat tat-twelid iġib id-data ta’ jumejn wara. Permezz ta’ dan l-‘iżball’ missieru u ommu ffrankaw multa, li ma kellhomx minn fejn iħallsu, għax ma laħqux irreġistraw lil binhom fiż-żmien stipulat mil-liġi.

Meta Josè kien għadu tfajjel, missieru ddeċieda li jħalli warajh ix-xogħol tal-biedja u jieħu lill-familja lejn Lisbona, fejn daħal jaħdem mal-pulizija. Għalkemm il-kundizzjonijiet tal-ħajja tjiebu xi ftit, il-familja baqgħet fqira u kienet tgħix man-nies sakemm Josè kellu mal-14-il sena. Minħabba li l-flus li missieru kien jieħu lura d-dar mhux dejjem kienu jservu l-ħtiġiet tal-familja, Josè għex għal żminijiet twal minn tfulitu man-nanniet tiegħu fir-raba’. Dawn in-nanniet, illitterati imma ħabrieka u għaqlin, semmihom bħala l-akbar influwenza f’ħajtu fid-diskors li ta meta rebaħ in-Nobel. F’dak id-diskors semma kemm kie-nu jqumu kmieni biex jieħdu ħsieb il-ħnieżer li kienu jrabbu u kif fix-Xitwa kienu jużaw il-ftit kutri li kellhom biex jgħattu lill-qżieqeż ħalli ma jmutulhomx.

Wara li llesta l-iskola primarja u għamel sentejn sekondarja, id-diffikultajiet finanzjarji wasslu lill-ġenituri tiegħu biex joħorġuh minn din l-iskola u jibgħatuh skola tas-snajja, fejn tħarreġ biex isir mekkanik. Fid-dar ma kienx hemm kotba. L-ewwel kotba beda jixtrihom meta kellu madwar 19-il sena. Madankollu, fl-iskola tas-snajja ried jitgħallem il-Franċiż u l-Portugiż, kif kienet titlob is-sistema edukattiva ta’ dak iż-żmien. Kien hawn li ltaqa’ mal-ewwel xogħlijiet letterarji. Saramago baqa’ sal-mewt jiftakar bl-amment ċerti poeżiji li kien hemm fil-kotba tal-Portugiż li kellu l-iskola.



Mekkanik fil-għodu… Jaqra bil-lejl



“Ma kellix għajnuna jew min jiggwidani ħlief il-kurżità u x-xewqa li nitgħallem,” qal Josè lil dawk li kienu qegħdin jisimgħu diskorsu meta ngħata n-Nobel. Meta spiċċa mill-iskola tas-snajja għamel sentejn jaħdem bħala mekkanik. Fil-għodu kien jaħdem u fil-għaxija kien imur il-librerija pubblika, jissellef il-kotba u joqgħod jaqrahom bil-lejl.

Huwa żżewweġ l-ewwel darba fl-1944. Sa dak iż-żmien kien diġà biddel ix-xogħol u kien daħal jaħdem bħala skrivan mal-gvern fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. Tliet snin wara twieldet bintu, Violante, u fl-istess sena ħareġ l-ewwel rumanz tiegħu: kien semmieh ‘The Widow’, imma għal raġunijiet editorjali kien mitbugħ taħt it-titlu ‘The Land of Sin’. Fl-istess żmien kiteb rumanz ieħor, li baqa’ fil-kexxun, u wara beda proġett fuq rumanz ieħor li baqa’ ma temmux. Għal 19-il sena sħaħ Saramago għeb għal kollox mill-ħajja letterarja Portugiża. Kien fl-1966 li reġa’ ħareġ xogħol ieħor – ‘Possible Poems’.

Sadanittant, ix-xogħol mal-gvern tilfu fl-1949 minħabba raġunijiet politiċi. Taħt id-dittatorjat lemini ta’ Antonio Salazar ma kienx hemm post għal impjegati tal-gvern li kienu xellugin. Bis-saħħa ta’ eks-għalliem irnexxielu jsib impjieg fl-industrija tal-metall, sakemm fis-snin ħamsin daħal jaħdem fl-industrija tal-istampar – opportunità li laqqgħetu ma’ uħud mill-aqwa letterati Portugiżi ta’ dak iż-żmien. Madankollu, kienu l-ħtiġiet finanzjarji tal-familja li reġgħu ressquh lejn il-kitba, hekk kif biex jagħmel ftit flus, fil-ħin ħieles tiegħu mbarka fuq għadd sostanzjali ta’ traduzzjonijiet, mhux lanqas ta’ kittieba komunisti bħal Nikos Poulantzas u Etiènne Balibar. Sadanittant, kien qed jikkontribwixxi b’mod regolari b’numri ta’ artikli politiċi f’gazzetti lokali, liema artikli ġabarhom f’żewġ edizzjonijiet mitbugħa fis-snin sebgħin. Saramago kien iqis dawn iż-żewġ edizzjonijiet bħala kruċjali biex wieħed jifhem il-ħsieb tar-rumanzi li kiteb wara.



Ġurnalist bla xogħol



Fl-1970 iddivorzja u beda relazzjoni mal-kittieba Portugiża Isabel de Nòbrega li damet sal-1986. Fl-1971 ħalla l-industrija tal-istampar biex ingħaqad mal-gazzetta ta’ filgħaxija ‘Diàrio de Lisboa’, bħala editur tas-suppliment kulturali. Hemmhekk dam sentejn. F’April tal-1975, imbagħad, mal-waqgħa tar-reġim dittatorjali lemini, nħatar bħala deputat editur tal-gazzetta ‘Diàrio de Nòticias’, liema post żammu biss sa Novembru ta’ dik is-sena, meta l-bidliet politiċi tal-25 ta’ Novembru, fejn il-proċess rivoluzzjonarju xellugi ntemm ħesrem bil-kolp ta’ stat militari politiku, reġgħu wassluh biex jitlef xogħlu.

Mingħajr tama li jerġa’ jsib impjieg sakemm idum l-ambjent politiku li ħakem lill-Portugall f’dawk iż-żminijiet, Josè ddeċieda li jintefa’ b’ruħu u ġismu fuq il-letteratura. L-ewwel rumanz li ġibed l-attenzjoni fuq il-ħiliet letterarji tiegħu kien ‘Risen from the Ground’, fl-1980, miktub kważi kollu fl-inħawi rurali li kien tant familjari magħhom. Is-snin tmenin kienu karatterizzati mill-pubblikazzjoni ta’ għadd ta’ rumanzi, l-aktar magħrufa fosthom ikunu ‘The Year of the Death of Ricardo Reis’ (1984) u ‘The History of the Siege of Lisbon’ (1989). Fl-1986 iltaqa’ mal-ġurnalista Pilar del Rio u żżewġu fl-1988.

Meta ħareġ “Il-Vanġelu skont Ġesù Kristu”, fl-1991, il-gvern lemini Portugiż iċċensurah għax qiesu bħala “offensiv għall-Kattoliċi”. Iċ-ċensura kienet tant sfiqa li saħansitra żammu milli jkun ippreżentat għall-Premju Letterarju Ewropew. Dan wassal lil Saramago biex flimkien ma’ martu jħalli lil art twelidu darb’għal dejjem u jmur jgħix fil-Gżejjer Kanarji. Madankollu, Saramago għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu fi Spanja u baqa’ attiv sakemm marad serjament.

Huwa rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1998. F’konferenza stampa mogħtija dwar dan il-premju huwa qal b’ċerta ironija li “li kien għall-Papa żgur li dan il-premju qatt ma rbaħtu!” Bi tweġiba għal attakk fuqu mill-paġni tal-Osservatore Romano, Saramago wieġeb: “Il-Vatikan jiskandalizza ruħu malajr, speċjalment bin-nies li qegħdin fuq barra. Imisshom jikkonċentraw fuq it-talb tagħhom u jħallu lin-nies bi kwiethom. Nirrispetta ħafna lin-nies li jemmnu, imma m’għandix wisq rispett lejn l-istituzzjoni.”

Id-diskors tiegħu għall-okkażjoni meta ngħata l-Premju, fis-7 ta’ Diċembru, bdieh b’tislima: “The wisest man I ever knew in my whole life could not read or write” u kompla jitkellem dwar nannuh (u nanntu) li magħhom qatta’ tfulitu. Fl-istess diskors qal: “Many years later, writing for the first time about my grandfather Jerònimo and my grandmother Josefa… I was finally aware I was transforming the ordinary people they were into literary characters: this was, probably, my way of not forgetting them, drawing and redrawing their faces…”

Mistoqsi jekk ħasibx li kien jixraqlu n-Nobel, Josè Saramago, li dejjem baqa’ persuna mill-aktar umli, wieġeb hekk: “M’għandix risposta għal dan; imma dak li għamilt għamiltu b’għarfien sħiħ li dak li kont qed nagħmel kien dak li l-bniedem jista’ jagħmel biex jesprimi lilu nnifsu u dak li hu.

“Hija ħtieġa li nistaqsi lili nnifsi x’qed nagħmel hawn, f’din il-ħajja, f’din is-soċjetà u f’din l-Istorja.”

Il-ħajja ta’ Kristu ċċensurata mill-Vatikan



Fil-ħajja taf tiltaqa’ ma’ ktieb li jħalli marka kbira fuqek. Jibdlek. Jimmaturak? Forsi, imma żgur jagħmel minnek bnie-dem differenti.

‘Il-Vanġelu skont Ġesù Kristu’ kienet għaddietuli ħabiba tiegħi ġurnalista – suppost b’self (għalkemm nistħi ngħid li għadu għandi!). Kont qrajtu f’kemm ilni ngħidlek (u sal-lum qrajtu ma nafx kemm-il darba aktar. Erġajt bdejt naqrah wara li tħabbret il-mewt tal-awtur, Josè Saramago.) Kien l-ewwel ktieb li qrajt ta’ Saramago. Sal-lum, kważi qrajt ir-rumanzi kollha tiegħu (bl-Ingliż, ovvjament); imma l-‘vanġelu’ kien il-ktieb li nista’ ngħid li nfluwenzani l-aktar.

It-tentazzjoni hi li nibda nirrakkonta dwaru, imma nippreferi li l-qarrej jitħajjar isibu minn xi librerija u jisselfu, jew inkella jixtrih. Fuq www.play.com issibu b’irħis, jew inkella fuq www.abebooks.com tista’ tixtrih użat, f’kundizzjoni tajba ħafna, b’anqas minn €3 (eskluża l-posta).

Dan ir-rumanz, li oriġinarjament inkiteb bil-Portugiż, illum issibu maqlub għal 35 lingwa. It-traduzzjoni bl-Ingliż hija tajba ferm.

Fid-diskors tiegħu, fl-okkażjoni tal-Premju Nobel, Saramago jgħid hekk dwar il-‘vanġelu’: “it was not a matter of looking behind the pages of the New Testament searching for antithesis, but of illuminating their surfaces”; u aktar tard jistqarr: “The apprentice’s (Saramago sejjaħ lilu nnifsu bħala ‘apprendista tal-ħajja’) Gospel is not, consequently, one more edifying legend of blessed beings and gods, but the story of a few human beings subjected to a power they fight but cannot defeat.”

Dan il-poter assolut imsemmi minn Saramago huwa dak ta’ Alla l-missier li bagħat lil ibnu fid-dinja b’missjoni li jrid jew ma jridx għandu jwettaq. Ġesù mhuwiex inklinat li jwettaq dak li jrid minnu Alla; mhux b’sens ta’ diżubbidjenza, imma għax jara x’se jkunu l-konsegwenzi fi ġlied imdemmi u gwerer li jwasslu għall-qerda ta’ miljuni ta’ persuni.

Il-‘vanġelu’ ta’ Saramago għandu qafas mibni fuq il-ġrajjiet li tgħallimna dwarhom mill-erba’ evanġelji. B’hekk insibu l-ġrajja tat-twelid ta’ Kristu, liema twelid ikun imħabbar minn “anġlu”, li mbagħad imur iżur lit-tarbija flimkien mar-rgħajja. Dan l-“anġlu” nerġgħu niltaqgħu miegħu matul ir-rakkont… u nintebħu bin-natura vera tiegħu.

Imnebbaħ minn ħolma li tfakkru fi profezija qadima, Erodi jiddeċiedi li joqtol lill-ulied subien f’Betlem. Ġużeppi, missier Ġesù, ikun qed jaħdem fuq il-bini tat-tempju meta jisma’ suldat jirrakkonta l-amar ta’ Erodi. B’din l-aħbar tidwi f’widnejh, Ġużeppi jaħrab jiġri lejn Betlem biex flimkien ma’ martu u bintu jiżgiċċaw qabel ma jaslu s-suldati. Imma hawn jibda l-inkwiet għal Ġużeppi: huwa jonqos milli javża b’dak li jkun se jiġri lill-bqija tan-nies tal-belt, u tort tas-silenzju tiegħu jseħħ il-massakru tal-innoċenti. Ġużeppi huwa bniedem twajjeb u reliġjuż, imma s-sens ta’ ħtija għal dak li seħħ f’Betlem jibdillu ħajtu. Ta’ 33 sena s-suldati Rumani jsallbuh meta jaħsbuh wieħed mir-ribelli Lhud. Ġesù jiret is-sandli ta’ missieru… u miegħu s-sens ta’ ħtija għal dak li ġara f’Betlem. Ġesù jibda jistaqsi diversi mistoqsijiet li l-familja tiegħu ma jwieġbux b’mod sodisfaċenti. Jibda jinqata’ minnhom u eventwalment iħalli d-dar biex imur jitħarreġ ma’ rgħaj fid-deżert… liema rgħaj huwa l-istess “anġlu” li ltqajna miegħu fil-bidu tal-ktieb u li m’huwa ħadd għajr…

Ikun hawn li Alla jkellem lil Ġesù u jurih min huwa tassew. Alla jitlob minn Ġesù li joqtol l-aktar ngħaġa li jħobb. Malli Ġesù jobdi, ir-rgħaj ikun pront jibgħat lil Ġesù lura d-dar. Ikun fi triqtu lura li Ġesù jintebaħ li kapaċi jwettaq xi mirakli u jingħaqad ma’ diversi sajjieda fejn b’din il-kapaċità ġdida jgħinhom jaqbdu l-ħut. Hawn jiltaqa’ ma’ Marija Maddalena u jsiru koppja.

Marija mhijiex passiva; anzi, meta Ġesù joqtol siġra tat-tin għax ma jkollhiex frott, iċċanfru għall-arroganza tiegħu, li stenna minn siġra li jkollha l-frott meta ma kienx l-istaġun tagħha. Ġesù jiddispjaċih imma sadanittant għadu ma jafx li jista’ jerġa’ jagħti lura l-ħajja. Marija għandha oħtha – Marta, li lil Ġesù tħobbu mħabba platonika u li ma tistax tifhem kif hu jħobb lil oħtha li kienet prostituta u lilha qisu jinjoraha. Iż-żewġ nisa għandhom ukoll ħuhom – Lazzru, li meta jmut Ġesù jkun irid iqajmu mill-mewt (għax sadanittant ikun intebaħ sew x’inhuma l-poteri tiegħu), Marija twaqqfu bil-kliem li “huwa biżżejjed għal bniedem li jmut darba … tħalliehx imut darbtejn.”

Ġesù jerġa’ jkollu laqgħa oħra ma’ Alla… din id-darba fil-kumpanija tax-xitan. Ġesù jitħasseb dwar ir-rabta li hemm bejn Alla u x-xitan – rabta li x-xitan (bi qbil ma’ Alla) jiddeskrivi bħala waħda ġejja min-natura nnifisha tagħhom it-tnejn. Matul din il-laqgħa Alla jiżvela lil Ġesù x’inhu mistenni minnu. Ix-xitan jurih il-missjoni tiegħu x’se tfisser għall-umanità “għax Alla ddejjaq ikun Alla ta’ ġens wieħed”. Alla ma jinteressahx minn x’se jkun il-prezz għall-pjan tiegħu, imma skont ix-xitan: l-għan jiġġustifika l-mezz. Ġesù jipprova jirreżisti lil Alla, imma mill-ewwel jidher li l-isforzi tiegħu se jkunu inutli. Idur fejn idur, Ġesù ma jistax jaħrab sakemm ikollu jbaxxi rasu. Ikun hawn li s-sens ta’ ħtija li wiret mingħand missieru Ġużeppi jħallieh…

Il-kitba ta’ Saramago hija ironika – komika f’xi waqtiet – drabi oħrajn kważi-traġika. Hija kitba li tqanqal il-ħsieb, u filwaqt li l-Vatikan kien pront għalaq għajnejh u widnejh u ma riedx ikun jaf b’dan il-ktieb – bl-istess mod li għamel il-gvern konservattiv Portuġiż – ħassieba minn madwar id-dinja (anke Kattoliċi!) faħħru dan il-‘vanġelu’ u qisuh bħala xogħol sublimi ta’ ħsieb u umanità.

L-ironija f’dan kollu hi li l-Portugall beka l-mewt ta’ Saramago u tah ġieħ bħala iben denju tiegħu… meta kien tard wisq! Forsi f’pajjiżna, fid-dawl tal-kontroversja li għaddejja dwar iċ-ċensura, l-istorja ta’ Saramago u l-‘vanġelu’ tiegħu tista’ ġġegħilna naħsbu ftit aktar…














Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Features
·  L-Ikkundannati
·  Is-sodisfazzjon tas-sengħa


IT-TEMP - 5/9/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 28º

Riħ:  Hafif mil-Lvant li jsir vrjabbli
Baħar:  Hafif
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.