www.it-torca.com  
Il-Ħadd 5 ta' Settembru 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Neptunes ċampjins tas-Sajf tal-waterpolo.....

Kajjik ġdid mill-Kalkara għar-Regatta tal-Vitorja.....

22 atleta Malti għal-Logħob tal-Commonwealth fi New Delhi.....

Tennis – US Open:
Il-favoriti jikkwalifikaw.....

Muturi – Grand Prix ta’ San Marino:
Pedrosa l-iktar veloċi fil-kwalifikazzjoni.....

Għal-logħba kontra l-Latvja:
Ivan Woods jieħu post Paul Fenech.....

Swieqi United jippreżentaw l-akkwisti l-ġodda u l-immaġini l-ġdida tal-klabb:
L-għan tagħna li nirbħu iktar punti mill-istaġun li għadda – Roberto Debrincat, kowċ ta’ Swieqi U......

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
ARTIKLI/KONTRIBUZZJONI

Annullament: proċess, spejjeż u... x’iktar?
minn philip borg

Hawn min jikteb u jikkummenta għax jaf u għax għandu xi ħaġa x’jgħid. Hawn min jikteb għall-gost, anki jekk ma jafx u m’għandux xi jgħid. Imqar għall-gost li jidher ismu! Nies bħal dawn issibhom dejjem, l-iktar fil-ġurnali. Tal-ewwel jafu jaħsbu u jkunu nfurmati sewwa qabel iġonġu l-iċken sentenza. Tal-aħħar issibhom dejjem minn tal-ewwel li pronti jaqbżu fin-nofs mal-iċken nitfa ta’ argument li jitfaċċa fuq ħalq in-nies. U l-imsejken qarrej imbagħad jitħawwad lil min jieħu bis-serjeta’ u lil min le...

Il-kittieb Sqalli Luigi Pirandello, li rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1934, kien jinseġ kif l-assurd u l-pretensjoni jitħalltu fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Xenarji kontinwi ta’ fejn nidħqu jew nibku. Meta staqsa xi jkun id-daħq, kien ħareġ bid-definiz-zjoni li d-daħq huwa r-reaz-zjoni għal dak li jiġri bħala kuntrast bejn dak li taħseb u dak li fil-fatt iseħħ. Kuntrast bejn dak li għal ħafna huwa loġiku u dak li jseħħ u li jkun xott mil-loġika!

Dawn il-ħsibijiet kienu sikwit f’moħħi waqt li fl-aħħar ġimgħat qamu l-ħalel kollha fuq l-argument tad-divorzju. Pirandello kien Sqalli minn Agrigento u jgħix f’ambjent li kien – u għadu – jixxiebah sew ma’ dak tagħna. Dak li kien josserva fost niesu kważi mitt sena ilu, jista’ jibqa’ jarah iseħħ fostna llum ukoll. Bl-influwenza kolonjali Ingliża kollha li kellna, il-mentalità fostna baqgħet xorta waħda mediterranja. Mix-xejn nagħmlu frattarija. Qisna biċċa għaġina ratba li nintagħġnu u ninġarru malajr miċ-ċirkostanzi u nħallu min jaqsamna f’biċċtejn qisna żewġ ftajjar lesti għal ġol-forn. Naħa favur u naħa kontra, akkost ta’ kollox! U min jgħajjat u jħambaq l-iktar, jaħseb li rebaħ!

Dawk ta’ naħa jew ta’ oħra joħorġu l-munizzjon kollu biex jimpressjonaw u jikkonvinċu. Jippreżentaw l-argumenti kollha favur dak li jridu jew ma jridux, u jekk dawn ma jkunux biżżejjed, daqs tazz’ilma jqabbżu fin-nofs xi xenarju makabru biex ibikku u jwerwru lil min jismagħhom. U jippretendu li jekk huma kapaċi jġibu lin-nies b’qalbhom ġunġliena, se jift-ħulhom moħħhom iktar! Wisq agħar imbagħad jekk ikun hemm min joħlom li jmur lura lejn żmien it-terrur bħal tas-snin sittin biex ikasbar u jherri l-intelliġenza tal-poplu!



L-injoranza



Theddid bħal dan għall-opinjoni pubblika u għall-verità tal-fatti jinbet u jikber iktar ma jkun hemm injoranza tal-fatti kif inhuma fir-realtà. Min jaf ikun arroganti jsibha iktar faċli jekk in-nies ma tkunx taf u ma tismax ħlief dak li jgħid hu. U iktar ma jħambaq u jsabbat, aktar jirnexxilu jikkonvinċi. L-injoranza dejjem kienet ġnien fertili għal min irid jimpressjona biex ikabbar il-poter fuq l-oħrajn madwaru!

Tajjeb għalhekk li, anki f’dan id-dibattitu dwar leġiżlazzjoni għad-divorzju, il-fatti jkunu ċari quddiem kulħadd. Biex f’dak li nisimgħu u naqraw moħħna jkun jista’ jixtarr għax ikun infurmat u ħadd ma jbellagħlu r-ross bil-labbra. Bħalma fl-aħħar ġimgħat min jaf kemm sar diskors bla wisq ħsieb fil-ħwienet u każini, daqshekk ieħor saru laqgħat bi ħsieb speċifiku li jkun hemm strateġija dwar kif naħa jew oħra se jikkonvinċu lin-nies. Mhux kif se jinfurmaw lin-nies, imma kif se jimpressjonaw u jikkonvinċu. Għal dawn in-nies li għandhom imqar biċċa poter, aktarx li l-metodu hu iktar importanti mis-sustanza...



Staqsejt...



Kif soltu nagħmel nhar ta’ Ħadd, ippruvajt ukoll inġib it-tagħrif meħtieġ dwar aspett ieħor li dwaru jitkellmu ħafna imma ftit mill-ħafna jimpurtahom x’għandhom ikunu jafu n-nies qabel jibdew jaħsbu dwar dak li jisimgħu jew jaqraw. F’din il-venja li għaddejja dwar id-divorzju, smajna u se nibqgħu nisimgħu frażijiet komuni bħal separazzjoni u annullamenti.

Ippruvajt ikolli tagħrif korrett u komplut dwar l-annullamenti, imma jkolli nistqarr li tagħrif ksibt, iżda min tahuli, minkejja snin twal ta’ esperjenza u għerf dwar is-suġġett, donnu stkerrah li jixxandar ismu... Hi x’inhi r-raġuni, it-tagħrif kollu li ksibt, naqsmu magħkom il-qarrejja għax nemmen li kulħadd għandu dritt ikun jaf l-istampa sħiħa u ma jħallix min jurih il-biċċa li jaqbillu biss!

Interessanti ħafna l-ewwel kelma li qalli: “Fost ħafna nies teżisti ċerta injoranza dwar il-kawżi tal-annullament fil-Knisja.” Din hi ammissjoni li min hu nvolut jaf ukoll li hemm tant injoranza, u għalhekk toħroġ waħedha l-mistoqsija: mela għaliex jibqgħu lura milli jgħallmu lin-nies? Huwa minnu li fil-website tal-Kurja hemm tagħrif interessanti, imma kif se jkunu jafu dak u dik, il-ħafna li m’għandhom ebda tagħrif kif jużaw kom-pjuter?



Kelma b’kelma



Minħabba d-dettalji delikati u preċiżi, illum nippreferi nħalli l-kliem kollu tat-tweġibiet kif tahuli l-espert.

“Qabel xejn irridu niftakru li ż-żwieġ huwa sagrament (ovvjament, meta jkun żwieġ reliġjuż/kattoliku). F’kull sagrament insibu l-ministru, il-materja u l-forma. Fis-sagrament taż-żwieġ il-ministru huma l-għarajjes, il-materja huma wkoll l-għarajjes u l-forma huwa l-kunsens. Jekk per eżempju fil-magħmudija ma jkollniex l-ilma veru, u fl-ewkaristija l-ħobż ażżmu ta’ qamħ ġdid u nbid naturali tal-għeneb, dawn is-sagramenti ma jkunux validi, ma jkunx sar is-sagrament minħabba difett fil-materja.

“Hekk ukoll fis-sagrament taż-żwieġ, jekk ikun hemm xi difett jew nuqqas ieħor skont il-liġi tal-Knisja, li ma jagħmlux iż-żwieġ sagrament, dan iż-żwieġ ma jkunx validu, ma jkunx sar. Meta jkun hemm xi dubju, il-Knisja, biex tkun tista’ tistudja u tiddikjara dak iż-żwieġ hux validu jew le, għandha t-Tribunal tagħha, b’nies kompetenti fil-liġijiet tagħha – il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku (Codex Iuris Canonici).

“Kull djoċesi għandha t-tribunal tagħha, it-Tribunal Djoċesan. Malta għandna t-Tribunal Metropolita u Għawdex għandu t-Tribunal Djoċesan tiegħu, indipendenti min dak ta’ Malta. It-Tribunal Djoċesan jistudja l-każ u jagħti l-Ewwel Sentenza. Biex każ jingħalaq għal kollox, skont il-liġijiet tal-Knisja, irid ikun hemm żewġ Sentenzi Konformi, l-istess. Hawnhekk jidħol Tribunal ieħor, dak Reġjonali, magħruf bħala tat-Tieni Istanza jew tal-Appell, fi ħdan il-Konferenza Episkopali li tiġbor numru ta’ Djoċesijiet. Malta wkoll għandna t-Tribunal Reġjonali, li fih ikunu appellati l-Ewwel Sentenzi tat-Tribunali Djoċesani, dak Metropolita ta’ Malta u dak Djoċesan ta’ Għawdex.



Il-proċess



“Kull Tribunal, Djoċesan u Reġjonali, huwa kompost minn Vikarju Ġudizzjarju, Imħallfin, Awdituri, Promutur tal-Ġustizzja, Difensur taż-Żwieġ, Kanċillier, Segretarju/a, Nutar/a. Meta xi ħadd ikun irid jibda proċess tal-annullament, l-ewwel ħaġa jrid isib persuna kompetenti, saċerdot jew avukat approvat mill-Knisja, biex jara kienx hemm xi nuqqas jew difett dak il-ħin tal-kunsens u joħroġ il-grounds, ir-raġuni għaliex ikun qed jagħmel it-talba għall-annullament. Fit-Tribunal ta’ Malta hemm saċerdot kwalifikat biex jagħti pariri, u jgħin lil dawk li ma jkollhomx avukat biex jagħmlu t-talba tagħhom biex jibdew il-proċess.

“Ta’ min ifakkar li fit-Tribunal tal-Knisja mhux neċessarju li jkollok avukat. L-Imħallfin jistudjaw bir-reqqa s-sagrament taż-żwieġ permezz tal-evidenza tal-partijiet u x-xhieda, flimkien mad-Difensur, biex isibu l-verità (Pro Rei Veritate), almenu b’ċertezza morali.

“It-talba jew petition tkun indirizzata lill-Isqof tal-post biex iwaqqaf Tribunal biex jistudja dak il-każ partikolari, għar-raġunijiet imsemmija fit-talba. Jekk prima facie jidher li jkun hemm veru każ, il-Vikarju Ġudizzjarju jaħtar Tribunal magħmul minn tliet Imħallfin, Difensur taż-Żwieġ u Nutar, biex jistudja u jiddeċiedi l-każ. Il-Vikarju Ġudizzjarju, fil-preżenza tad-Difensur, jiddiskuti flimkien mal-partijiet, fil-preżenza tal-avukati tagħhom, jekk ikollhom, u jiffissaw il-grounds li fuqhom ikun se jkun studjat il-każ.



Xhieda u esperti



“B’hekk il-każ jidħol fil-lista, twila mhux ħażin, biex meta jasal iż-żmien, bejn tlieta jew erba’ snin, u meta tkun meħtieġa l-għajnuna tal-psikologu (jew esperti meħtieġa) xi ftit taż-żmien aktar, jibdew jinstemgħu l-partijiet u x-xhieda. Wieħed mill-Imħallfin, Awditur, jieħu ħsieb imexxi l-proċess u jisma’ lix-xhieda kollha bil-ġurament. Jekk tinħass il-ħtieġa jkun appuntat Espert Psikoloġiku biex jgħin lill-Imħallfin fid-deċiżjoni tagħhom. Il-partijiet jintalbu jagħtu lista tax-xhieda li jkunu jridu jtellgħu; l-importanti mhux li jkunu ħafna, imma li jafu ħafna. (It-tribunal ukoll jista’ jsejjaħ nies jixhdu li ma jkunux elenkati qabel).

“Ikunu jistgħu jiġu ppreżentati wkoll xi dokumenti relatati mal-każ. Wara li jinstemgħu x-xhieda kollha, il-partijiet, jew l-avukati tagħhom, jintalbu jaraw il-file, l-Atti, u jagħtu l-kummenti tagħhom. Id-Difensur taż-Żwieġ jagħti l-vot tiegħu, li mhux bilfors ikun kontra l-annullament. Il-partijiet ikun jistgħu jagħtu l-kummenti tagħhom fuq ir-rapport tad-Difensur. B’hekk il-każ ikun magħluq, u tingħata kopja tal-Atti lill-Imħallfin biex jistudjawh waħedhom separatament. Imbagħad jiltaqgħu u jiddiskutuh bejniethom u jagħtu s-Sentenza tagħhom: pożittiva, favur l-annullament, jew negattiva, kontra l-annullament. Wieħed mill-Imħal-lfin, dak li jissejjaħ il-Ponente (Ponens), jikteb is-Sentenza bbażata fuq it-tagħlim u d-duttrina tal-Knisja, l-evidenza tax-xhieda, ir-Rapport/i tal-Espert, jekk ikun hemm, u r-Rapport tad-Difensur taż-Żwieġ.

“Ta’ min jgħid li meta xi ħadd mill-partijiet jibgħat it-talba, (il-petitioner), tiġi mgħarrfa biha l-parti l-oħra (ir-respondent). L-isem tal-każ ikun jikkonsisti fil-kunjomijiet tar-raġel u dak tal-mara bħala xebba; l-ewwel ikun dak tal-petitioner, u t-tieni tar-respondent, eżempju “Camilleri – Borg”, u jingħata numru tal-Protokoll, li jkun jikkonsisti fl-aħħar żewġ numri tas-sena li jkun daħal il-każ u wara n-numru li jkun imiss fil-lista, eżempju “Prot. No. 10/59”. Il-kunjomijiet u l-Protokoll iridu jkunu kkwotati fil-korrispondenza kollha. Barra dan, lill-partijiet tintbgħatilhom xi informazzjoni fuq iż-żwieġ u l-ispejjeż tat-Tribunal, flimkien mal-lista tal-avukati approvati mit-Tribunal biex jekk iridu jkunu jistgħu jagħżlu minnhom.



Spejjeż



“L-ispejjeż tat-Tribunal ivarjaw skont in-numru ta’ seduti li jkun hemm. Dawn l-ispejjeż iridu jitħallsu mill-petitioner. Jekk ikun hemm bżonn tal-psikologu (jew xi espert ieħor) dan jitħallas apparti. Meta jkun hemm l-avukat ukoll irid jitħallas apparti minn min iqabbdu. L-ispiża tat-Tribunal b’mod ġenerali, tkun ta’ mijiet, mhux eluf, ta’ ewro; fil-bidu tal-każ ikun hemm depożitu, li mbagħad jinqata’ fl-aħħar. Niftakru li dawk kollha li jaħdmu fuq il-każ, u l-materjal li jintuża, iridu jitħallsu. B’danakollu, jekk il-petitioner ma jistax jew ma jiflaħx iħallas, jagħmel tajjeb għalih it-Tribunal stess, basta jkun ippruvat li t-tali veru ma jistax iħallas, għax (anki f’dan l-aspett) il-ġustizzja xorta trid issir.

“L-Ewwel Sentenza trid tinqata’ favur jew kontra t-talba tal-annullament, pożittiva jew negattiva. Jekk tkun pożittiva, favur l-annullament, id-Difensur taż-Żwieġ awtomatikament jappella mis-Sentenza. Jekk tkun negattiva jrid jappella xi ħadd mill-partijiet. Hawn jidħol it-Tribunal tal-Appell, dak Reġjonali tat-Tieni Sentenza, li bħall-Ewwel Tribunal, ikun magħmul minn tlett Imħallfin, Difensur taż-Żwieġ u Nutar.

“Jekk l-Ewwel Sentenza tkun pożittiva, l-istess, terġa’ tiġi studjata, biex jaraw tkunx konfermata jew le, billi d-Difensur taż-Żwieġ jagħti l-Vot tiegħu u l-Imħallfin jistudjawha waħedhom, imbagħad jiddiskutuha flimkien u joħorġu bil-verdett. Jekk tkun ikkonformata jkollok żewġ Sentenzi Pożittivi Konformi, u allura ż-żwieġ jkun idikkjarat null, u l-partijiet ikunu jistgħu jerġgħu jiżżewġu bil-Knisja.



Fiċ-ċivil



“Imbagħad xi ħadd mill-partijiet irid jiftaħ kawża ċivili fil-Qorti tal-Familja biex it-tali żwieġ ikun rikonoxxut null mill-Istat ukoll għall-effetti ċivili. Sentenza hekk għandha tieħu xi 8 jew 10 xhur, u jkun hemm xi ħlasijiet oħra.

“Jekk l-Ewwel Sentenza tkun negattiva, kif għidna, irid jappella minnha xi ħadd mill-partijiet, u billi jkunu jridu jinġiebu provi u argumenti ġodda bilfors tieħu ftit iżjed żmien, u jkun hemm spejjeż oħra. Fil-każ li l-Ewwel Sentenza ma tkunx konfermata mit-Tribunal Reġjonali jkollna żewġ Sentenzi differenti, opposti. Min ikun interessat dejjem ikun jista’ jerġa’ jappella fi Tribunal Superjuri, bħal dak magħruf tas-Sacra Rota (fil-Vatikan), sakemm ikollu żewġ Sentenzi Konformi favur tiegħu.”

Minn dan it-tagħrif jidher ċar li hemm proċess twil imma li jiġbor kull element disponibbli biex kull każ ikun eżaminat bir-reqqa u skont il-ġustizzja. Jidher ukoll li, għalkemm kull servizz irid jitħallas, iċ-ċifri li jissemmew mhux dejjem huma realistiċi, apparti li hemm każi fejn min ma jiflaħx, ma jħallasx imma l-proċess xorta jitkompla! Jidher ukoll, skont l-aħħar tagħrif, li t-tribunali żiedu jaħdmu iktar biex tant kawżi ma jkarkrux is-snin...”

X’hemm ħażin li tagħrif bħal dan ikun jafu kulħadd?












Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Artikli/Kontribuzzjoni
·  L-artisti Maltin li jgħixu fid-dinja tal-komiks...


IT-TEMP - 5/9/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 28º

Riħ:  Hafif mil-Lvant li jsir vrjabbli
Baħar:  Hafif
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.