OPERATURI turistiċi jsostnu li Malta tista` tiġbed ferm iktar turisti milli diġà qiegħda tattira mill-pajjiżi Skandinavi. Dan għandu jsir fi sforz biex jiżdiedu t-turisti lejn Malta, b’mod partikolari fix-xhur tax-xitwa, deskritti mil-lukandiera bħala l-iktar xhur diffiċli.
“Mill-Ewropa ta’ fuq nistgħu naraw ħafna aktar turisti. Dawn is-swieq, bħal l-iSvezja, in-Norveġja, l-Fillandja u d-Danimarka jistgħu jintlaħqu faċilment,” qal Nick Borg, uffiċjal għall-marketing tal-Corinthia meta kkuntattjat mit-TORĊA.
“Titjira mill-aktar pajjiż imbiegħed minn dawn, ma tiħux aktar minn erbà sigħat, li għal ħafna din titqies bħala titjira qasira. Persuni minn dawn il-pajjiżi msemmija jivvjaġġaw lejn pajjiżi bħal tagħna l-aktar fix-xhur tax-Xitwa, ir-Rebbiegħa u l-Ħarifa, l-istaġuni meta l-aktar li jkollna bżonn turisti,” jispjega Borg.
“Hemm bżonn li naraw li dawn is-swieq ikunu sfruttati. Hemm bżonn ukoll inħarsu lejn pajjiżi oħrajn bħall-Ewropa tal-Lvant, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq u saħansitra l-Asja. Bil-promozzjoni neċessarja u bl-introduzzjoni ta’ rotot tal-ajru ġodda nistgħu naraw dawn is-swieq jiżviluppaw ġmielhom. Importanti wkoll li l-proċess ta’ ħruġ ta’ viża jkun faċilitat,” sostna Borg.
Għandna ħafna x’noffru
Borg isostni li Malta bħala destinazzjoni turistika għandha ħafna x’toffri. Malta għandha wkoll il-kwalitajiet meħtieġa biex tattira diversi tipi ta’ nies.
“Għal ħafna, Malta għadha titqies bħala destinazzjoni sajfija, fejn wieħed ifittex temp sħun, xtajtiet u baħar. Għalkemm Malta għandha dan kollu, il-gżejjer Maltin għandhom ħafna aktar x’joffru u matul is-sena kollha.
“It-turiżmu jkopri diversi tipi ta’ setturi, bħal ma ngħidu aħna min jiġi fuq btala biex jistrieħ, oħrajn jiġu għall-konferenzi u inċentivi, nies li jiġu fuq negozju, biex jiltaqgħu ma’ qraba u ħbieb u biex jitgħallmu l-Ingliż, fost affarijiet oħra.
“Barra dan kollu hawn minn jiġi Malta biex japprezza l-kultura u l-istorja tagħna li tinfirex fuq aktar minn 5,000 sena, hawn min jiġi għall-isports, bħal ngħidu aħna l-għadds, il-futbol, il-golf u żfin. Settur ieħor li fl-aħħar snin żviluppa sew huwa dak tal-cruiseliners,” jgħid Borg, dwar temi li għalkemm li huma meqjusa bħala ovvji hemm bżonn li jkunu ndirizzati iktar fir-reklamar.
“F’moħħna ħafna drabi naħsbu li nies li jfittxu btala jkunu jridu jiġu biss fis-sajf. Dan ma hu minnu xejn.
“Jekk inħarsu lejn pajjiżi oħra, bħal ngħidu aħna l-Eġittu, speċjalment fuq ix-xtut tal-Baħar l-Aħmar, turisti mill-Ewropa u mil-Lvant Nofsani jmorru matul is-sena kollha. Malta wkoll ingawdu minn dan it-tip ta’ turiżmu, imma fi kwantitajiet ferm inqas. Dan jgħamilha diffiċli ferm għas-settur turistiku, speċjalment għal-lukandi u r-ristoranti. In-nies li jiġu fix-Xitwa ħafna drabi jkunu nies ta’ età avvanzata mill-Ewropa li jfittxu klima sħuna meta pajjiżhom ikun miksi bis-silġ u l-ġranet ikunu qosra ferm,” iżid jispjega.
Jgħid ukoll li l-introduzzjoni tal-linji tal-ajru low cost wasslu biex jiġu numru ta’ turisti lejn pajjiżna minn postijiet fejn ftit konna naħsbu li huma xi suq għal Malta. Eżempju ċar huwa Spanja.
Reklamar u diversifikazzjoni
Jitkellem ukoll dwar l-importanza tar-reklamar u d-diversifikazzjoni.
“Ir-reklamar huwa important ferm. Dan ma jkkonsistix biss f’reklamar dirett imma billi nistiednu kittieba u aġenti tal-ivjaġġar, billi nipparteċipaw fi promozzonijiet barra minn Malta, billi nattendu fieri speċjalizzati u diversi metodi oħra.
“Isir ħafna minn kull min huwa kkonċernat u dan isir is-sena kollha. Hemm ukoll skemi mnedija mill-gvern fejn wieħed jista’ jkun mgħejjun ħalli jwettaq dawn l-inizjattivi. Isiru diversi inizjattivi kemm b’mod dirett kif ukoll indirett. Issir promozzjoni fuq stazzjonijiet barranin, f’reklamar fuq l-istampa, kemm dik għall-pubbliku kif ukoll għall-aġenti li jbiegħu l-prodott Malti.
“L-internet ukoll huwa mezz qawwi ħafna u għandna bżonn nużawh aktar biex nattiraw aktar turisti,” jgħid Borg.
Jitkellem ukoll dwar tipi ta’ klijenti ġodda.
“Dan l-aħħar qegħdin naraw tip ta’ klijenti ġodda bħall-għarajjes li jfittxu li jiġu jiżżewġu Malta. Qegħdin naraw barranin li jiġu għall-kura Malta. Din tkun tinkludi kemm dik medika kif ukoll estetika.
“Il-kunsilli lokali wkoll jgħamlu s-sehem tagħhom, bħall-ġemellaġġi u attivitajiet kulturali li jistgħu jiġu mgawdija mit-turisti.
“Il-fatt li Malta tistà tilqa` dawn it-tipi ta’ turisti kollha huwa ta’ vantaġġ kbir għal pajjiżna u huwa importanti ferm la darba dawn it-turisti juru fiduċja f’Malta u jżuruna, li dawn imorru lura kuntenti. Hemm ħafna xi jsir f’dan ir-rigward. Dawn it-turisti irridu nieħdu ħsiebhom biex jerġgħu jiġu lura u biex meta jmorru lura pajjiżhom jirrakkontaw ma’ kull min jafu l-esperjenzi tagħhom u b’hekk bla spejjeż dawn ukoll jirreklamaw lil xtutna,” jispjega Borg.
Ikompli billi jitkellem dwar il-ħtieġa li Għawdex ikun reklamat bħala destinazzjoni għalih.
“Għawdex hemm bżonn li jkollu programm promoz zjonali speċifiku għalih għax dan jista’ jattira turisti ta’ ċertu kalibru u interess. Hemm bżonn ukoll insibu mod kif nattiraw u nagħmluha faċli għall-kumpaniji tal-films biex jiġu jiġbdu films f’Malta.
“Dawn barra li jiġġeneraw ħafna dħul, jgħinu wkoll biex il-prodott Malti jkun reklamat. Hemm setturi oħra ġodda li għandna bżonn niddentifikawhom, bħal turiżmu rurali u ħafna oħrajn.
“Qed isir sforz u qed isir ħafna biex nattiraw aktar turisti. Minkejja dan, qatt ma jista’ jsir biżżejjed. Pajjiżi stabbiliti u ħafna akbar minna jonfqu ferm aktar biex jiġġeneraw turiżmu lejn pajjiżhom u għalhekk irridu nkomplu fuq li qegħdin nagħmlu b’mod iżjed iffukat biex l-investiment li nagħmlu jirrendilna.
“Is-settur turistiku huwa l-pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija u huwa settur fraġli ħafna u faċli li jintilef.
“Kulħadd jiekol mit-turiżmu u kull meta s-settur jieħu daqqa ta’ ħarta, jinħass mis-setturi kollha. Allura dak kollu li qegħdin nagħmlu għandna bżonn insostnuh biex b’hekk l-industrija turistika Maltija tibqa’ tikber, filwaqt li-prodott turistiku jibqa’ jkun żviluppat,” temm jgħid Borg.
aleander@unionprint.com.mt
|