ĦAFNA jħossu li l-klabbs Maltin fil-miftuħ, magħrufin sew u ffrekwentati minn eluf ta’ Maltin fi tmiem il-ġimgħa, mhumiex qegħdin ikunu tal-livell mixtieq.
Dan irriżulta minn investigazzjoni li għamlet it-TORĊA hekk kif fl-aħħar ġimgħat żorna wħud minn dawn l-istabbilimenti u tkellimna maż-żgħażagħ, u mhux, li jiffrekwentawhom.
Is-sentiment komuni hu li dawn mhumiex joffru kwalità tajba ta’ xorb, filwaqt li l-prezzijiet huma esaġerati. Hemm ukoll dubji kbar fuq l-iġjene tat-tazzi tal-plastik oħxon li qegħdin jintużaw fi klabb minnhom, probabbilment biex jiffranka.
Huma lkoll tebgħat f’lejla ta’ divertiment sajfija.
“Tmur iġġib drink u ssib li l-kwalità tax-xorb xejn ma tkun tajba, għax anke jekk tħares lejn l-ismijiet fuq il-flixken tinduna li jkunu ta’ kwalità ‘fqira’ biex jiffrankaw, iżda l-prezz xejn ma jkun fqir. Tibża’ toffri round... biex imbagħad kulħadd bl-istess kelma, li d-‘drink’ ma fih togħma ta’ xejn.
“Trid tixrob bilfors birra jew luminata biex isserraħ rasek li qed tixrob xi ħaġa ġenwina żgur. Filwaqt li f’każ li persuna tagħżel li tixrob luminata, ma ssibilhomx ‘diet soft drinks’,” qal żagħżugħ lit-TORĊA.
Dawn iż-żgħażagħ stqarrew li saret drawwa fosthom jiltaqgħu qabel u jieħdu gost jgħidu kelma filwaqt li jixorbu qabel ma jidħlu fil-klabb għax “b’hekk nissodisfaw ruħna bi ftit xorb ġenwin, bi prezzijiet raġjonevoli”.
Dawn mhumiex l-uniċi. Din id-drawwa jidher li nxterdet sew fost iż-żgħażagħ, tant li bosta saru jiltaqgħu fid-dar ta’ xi ħadd minnhom, f’xi bar fil-madwar jew saħansitra fil-parkeġġ qabel jidħlu fil-klabb, jixorbu u jgħidu kelma biex ladarba jidħlu ġewwa jonfqu mill-anqas f’xorb.
“Aħna konna nagħmluha fil-bandli ta’ Paceville meta konna iżgħar u bqajna nagħmluha sal-lum,” qal żagħżugħ li sema lill-ġurnalist tat-TORĊA jiddiskuti.
Nuqqas ta’ ndafa
Ħaġa oħra li lmentaw dwarha ħafna kienet l-iġjene u l-kumdità fit-toilets.
L-istess frażi nstemgħet minn dawk li tkellmu magħna, li hekk kif jgħaddi ftit tal-ħin minn mindu jkunu hemm, it-toilets jinbidlu f’tiżliġ kbir u ilma mal-art, toilets miżduda bit-toilet paper, li kważi jibdew ifuru bl-urina biex imbagħad ma jkunx hemm ċans li jistgħu jifflaxxjaw, nuqqas ta’ toilet paper wara ftit – fejn ikun hemm – u sinkijiet li tibża’ tersaq lejhom aħseb u ara taħsel idejk fihom.
“Veru li ż-żgħażagħ stess jibdluhom f’dak il-mod għax fil-bidu, fil-ftuħ, ikunu nodfa. Iżda jekk forsi titħalla ‘attendant’ li tieħu ħsieb li tinżamm l-indafa u d-disponibilità ta’ toilet paper, eċċ., bħal f’każi ta’ klabbs oħra fosthom f’Paceville, żgur li jinżammu fi stat aħjar sa ma jkun se jagħlaq,” qalet żagħżugħa. Qalu li mhix l-ewwel darba, speċjalment meta jittella’ xi party, li, speċjalment l-irġiel, jispiċċaw jużaw partijiet fuq barra tat-toilets, fil-klabb stess, bħala ‘latrina’, “u int u għaddejja tispiċċa tgħaddas saqajk fl-urina”... għax iħossu li jinqdew aħjar, malajr, u fuq kollox f’aktar indafa... għalkemm din mhijiex is-soluzzjoni.
“Vera jkun hawn ftit ħmieġ, imma ma tantx inħabbel rasi jiena, l-aqwa li jġibu Dj’s tajbin għax jien għalhekk niġi, għal ftit ‘music’ tajba,” argumenta żagħżugħ li kellu flokk bil-kliem ‘party animal’.
Fil-każ tat-tazzi wżati għax-xorb, li f’każ ta’ klabb minnhom minn dis-sena nbidlu għal tazzi aktar attraenti u sodi tal-plastik, kien hemm xettiċiżmu dwar l-iġjene tagħhom.
“Għall-għajn jidhru sbieħ ħafna, sodi f’idejk ukoll, iżda r-realtà hi li l-maġġoranza taż-żgħażagħ kif ilestu mix-xorb iwarrbu t-tazzi tagħhom f’xi ġenb fl-art. It-tazzi jaqilgħu diversi daqqiet ta’ sieq, apparti t-tiżliġ tax-xorb, eċċ., fl-art. Imbagħad tara diversi nies fl-aħħar, fit-tard, jiġbruhom biex jinħaslu u jerġgħu jintużaw id-darba ta’ wara.
“Nemmen li nefaq spiża tajba għalihom, iżda ngħid li se jiggwadanja minnha tul iż-żmien, mhux bħalna,” qalet żagħżugħa oħra.
Mhux kulħadd jaqbel.
“Jiena ma nħabbilx rasi. L-aqwa li nixrob u fuq kollox dawn naħseb jinħaslu bħal ma jinħaslu tal-ħġieġ. Kemm għaġeb,” qal żagħżugħ li ma tantx deher iħabbel rasu.
Iżda minħabba li dawn it-tazzi huma tal-plastik u mhux ħġieġ, kien hemm min ilmenta li dawn żgur se jżommu l-mikorbi magħhom, kemm tal-persuni li jkunu xorbu minnhom kif ukoll mill-art.
Xi żgħażagħ intervistati qalu li jifhmu li ma se jintużawx tazzi tal-ħġieġ minħabba sigurtà, iżda għalkemm mhumiex sbieħ xejn fejn dawn it-tazzi li bdew jintużaw dan l-aħħar, dawk ordinarji tal-plastik abjad, irqaq, li jitgħaffġu faċilment u jintremew huma ħafna aħjar u ta’ serħan il-moħħ.
Intant, dawn iż-żgħażagħ, li tkellmu f’isem ħafna oħrajn, permezz tat-TORĊA, xtaqu jistaqsu lis-sidien ta’ dawn il-klabbs jekk hux se jsir sforz biex dawn in-nuqqasijiet jitranġaw... “għax għalkemm l-ambjent globali ta’ dawn il-klabbs u l-entertainment li joffru huwa sabiħ ħafna, iżda dak mhux kollox”.
|