|
Il-każ irrapportat minn dan il-ġurnal nhar il-Ħadd li għadda, fejn kelb kellu jgħaddi kważi sagħtejn f’xemx tiżreġ qabel ittieħed fi kwarantina, mhuwiex każ iżolat.
F’korrispondenza mibgħuta lit-TORĊA, Leandra Mizzi mill-Maltese Canine Federation tgħid li din mhux l-ewwel darba.
Saħansitra tilmenta li dawn il-klieb li jkunu ġejjin minn barra l-pajjiż u li bilfors iridu jinżammu kwarantina, qegħdin ikunu stmati ta’ oġġett.
“Din mhix l-ewwel darba li smajna b’ilmenti simili mid-diversi membri tagħna li jimportaw klieb minn barra l-pajjiż. Għal min forsi ma jafx, il-kelb ikun irid joqgħod ġol-kaxxa li se jtir fiha madwar sagħtejn qabel titlaq it-titjira. Dan minħabba preparamenti li jkunu jridu jsiru min-naħa tal-kumpanija tal-ajru.
“Fortunatament, fil-maġġoranza tal-pajjiżi, dawn il-klieb ikunu qegħdin jinżammu fi kmamar bl-arja ikkundizzjonata, u f’temperaturi xierqa. Sfortunatament, mhux l-istess jista’ jingħad għal meta dawn il-klieb jaslu Malta. Ħafna minn dawn il-klieb ikunu qegħdin jivvjaġġaw fis-sezzjoni tal-bagalji u dawn xi drabi jkunu stmati ta’ oġġetti,” tgħid Mizzi f’ittra li qegħdin nippubblikaw f’paġna 26.
Mizzi tappella biex isiru l-investigazzjoni u l-investimenti meħtieġa biex sitwazzjonijiet bħal dawk ikunu evitati.
Ftit tal-jiem ilu kelb tar-razza Shetland Sheepdog, ta’ erba’ xhur, għamel mill-3.52pm sal-5.30 pm fix-xemx u dan sakemm ittieħed fis-sezzjoni tal-kwarantina mill-uffiċjali tal-Air Malta u tad-Dwana.
Huwa kien qiegħed jinżamm f’kaxxa f’xemx tiżreġ.
Intant, għadhom għaddejin il-protesti minn attivisti favur id-drittijiet tal-annimali biex ikun installati shelters għaż-żwiemel tal-karozzini.
|