Persuni mhux magħrufa mhux biss serqu siġar indiġeni u arbuxelli mir-Riżerva Naturali ta’ Wied Għollieqa, imma anke bnew kamra tal-injam fuq siġra fejn fost oħrajn sammru imsiemer fiz-zkuk tagħha u waħħlu madum madwarha.
Dan l-att vandalu ndunaw bih voluntieri tan-Nature Trust (Malta) responsabbli minn dan is-sit li huwa protett legalment.
Huma naddfu s-sit u anke għamlu rapport mal-Pulizija, l-Università ta’ Malta u d-Dipartiment għall-Protezzjoni tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA.
L-għaqda qalet li hija tonfoq madwar €40,000 fis-sena biex tnaddaf u tieħu ħsieb din ir-riżerva naturali waqt li tirċievi biss €11,500 f’għajnuna mill-awtoritajiet u l-bqija tiġborhom permezz ta’ donazzjonijiet.
Hija ħeġġet lil dawk li għandhom xi informazzjoni dwar l-att vandalu biex jinfurmawha fuq in-numru tat-telefon 2131 3150 u appellat lill-pubbliku biex jirrispetta l-ambjent u l-konservazzjoni li jsir f’postijiet bħal dawn.
|