|
IL-KUMITAT tal-European Banking Supervisors (CEBS) għadu kif ħabbar ir-riżultati ta’ ‘stress test’ li, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet lokali, għamel fuq 91 bank ewlieni Ewropew.
Ir-riżultati kkonfermaw li kemm il-Bank of Valletta plc, li ntgħażel biex jipparteċipa f’dan it-‘test’ bħala l-akbar grupp bankarju lokali, kif ukoll l-HSBC Bank Malta plc, li ġie nkluż fuq bażi kkonsolidata bħala parti mill-HSBC Holding plc, kapaċi jifilħu għax-xokkijiet estremi imma plawsibbli li kienu stimulati f’dan l-eżerċizzju.
L-iskop tal-istress test tal-2010 mal-Unjoni Ewropea kollha, li sar bl-awtorità tal-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE (ECOFIN), hu li jkejjel is-saħħa ġenerali tas-settur bankarju fl-UE u l-kapaċità tal-banek li jifilħu għal aktar xokkijiet li jista’ jkun hemm fuq riskji marbutin ma’ self u swieq, inklużi r-riskji li ġejjin minn dejn pubbliku.
L-eżerċizzju sar bank bank fuq kampjun ta’ 91 bank minn 20 Stat Membru tal-UE li l-assi totali tagħhom, b’mod ikkonsolidat, jirrappreżentaw tal-anqas 50% tal-assi tas-settur bankarju kollu f’kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE bl-applikazzjoni ta’ sett ta’ xenarji makroekonomiċi (ta’ referenza u taħd kundizzjonijiet ħżiena) maqbula għall-2010 u l-2011 li ġew imfasslin b’koperazzjoni stretta mal-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea.
Ir-riżultati juru li l-Grupp Bank of Valletta jgawdi minn riżervi kapitali b’saħħithom. Meta l-‘consolidated balance sheet’ u l-‘income statement’ tal-Bank kienu ttestjati skont il-parametri stabbiliti mis-CEBS u mill-BĊE, it-Tier 1 ratio, li hu indikatur internazzjonali tas-saħħa ta-balance sheet, naqas b’1.2 punti perċentwali, biex jilħaq 9.3%. Dan hu aktar minn darba u nofs ogħla mill-“pass mark” ta’ 6% stabbilita għal dan l-eżerċizzju, u aktar mid-doppju tar-ratio minimu statutorju ta’ 4%.
Sodisfazzjon
Iċ-Chairman tal-BOV Roderick Chalmers qal li “dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-BOV huwa bank ikkapitalizzat tajjeb meta mqabbel mal-istandards internazzjonali kolha, u li r-riżervi ta’ kapital li nżommu huma aktar minn suffiċjenti biex isostnuna f’sitwazzjonijiet ta’ stress. Is-saħħa tal-pożizzjoni tal-kapital regolatorju tal-Grupp hija riżultat dirett tal-kwalità tal-assi tagħna u l-politika prudenti dwar id-dividend, fejn matul is-snin fittixna li nżommu bilanċ bejn il-konservazzjoni tal-kapital u l-pagament ta’ dividend attraenti lill-azzjonisti tagħna.”
Is-Sur Chalmers spjega li l-Bank jagħmel stress tests interni b’mod regolari bħala parti mill-proċess tal-immaniġġjar tar-riskju tal-Bank, u r-riżervi kapitali huma kontinwament imħarsin mill-Bord u mill-management eżekuttiv. Saħaq li l-kapital huwa l-mutur li jmexxi l-operat tal-Bank, u l-immaniġġjar effiċjenti u prudenti tal-kapital hija waħda mill-ogħla prioritajiet tal-BOV.
Min-naħa tal-HSBC, li fil-każ tiegħu l-eżerċizzju sar mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ġie osservat li fuq il-bażi tal-mudell ta’ assunzjonijiet makro-ekonomiċi u l-istress iebes applikat f’każ ta’ ambjent xejn favorevoli, li kien jinkludi dak li huwa magħruf bħala additional European Economic Area (EEA) sovereign schock, it-Tier 1 ratio tal-HSBC huwa ta’ 10.2 fil-mija, li huwa ogħla mill-oġġettiv immirat. Fuq din il-bażi, l-HSBC jibqa’ konformi kompletament mal-ħtiġijiet regolatorji kurrenti mingħajr il-ħtieġa li jkompli jżid il-kapital.
Fir-reazzjoni tiegħu Michael Geoghegan, Kap Eżekuttiv tal-Grupp HSBC, ikkumenta li “l-Grupp jinnota b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-FSA fuq dan l-eżerċizzju u jqishom bħala f’waqthom u bħala kontribut importanti biex tinbena l-kunfidenza tal-investituri u s-suq kif ukol għall-appoġġ tal-istabbilità finanzjarja. Ir-riżultat tal-HSBC isaħħaħ dak li ilna ngħidu – li l-HSBC huwa kemm b’saħħtu finanzjarjament kif ukoll f’qagħda tajba biex ikompli għaddej f’każ li l-ekonomija tmur lura kif jista’ jiġri.”
Qal ukoll li l-HSBC għamel qligħ fit-tliet snin minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja u ma kellu ebda ħtieġa ta’ intervent kapitali mill-gvern.
|