|
ANNUS Horribilis” huma l-kliem li l-Kap tal-Liċeo Ninu Cremona f’Għawdex, Dr. Frank Abela, għażel biex jiddeskrivi s-sitwazzjoni f’dan il-Liċeo matul is-sena skolastika li għaddiet. Jidher li s-sitwazzjoni negattiva u ta’ tensjoni li teżisti f’din l-iskola, kompliet fl-aħħar jiem eżattament fl-istaff meeting li sar fl-1 ta’ Lulju. F’dan l-istaff meeting, il-Kap tal-Iskola, Dr. Frank Abela, għamel attakk sħiħ fuq dak li ġara matul l-aħħar sena skolastika. Id-diskors li għamel, li fi kliem xi għalliema ma kienx diskors denju ta’ kap ta’ skola, wassal biex xi għalliema ma felħux jisimgħu aktar u ddeċidew li jieħdu nota ta’ dak li kien qed jintqal.
Is-sena skolastika li għaddiet wasslet biex il-Liċeo Ninu Cremona jkun fl-aħbarijiet minħabba li tliet għalliema minn dan il-liċeo kienu ħarġu bis-sick leave, u wara rriżulta li f’dan iż-żmien kienu siefru.
Fuq dan il-każ kienu ttieħdu passi dixxiplinarji kontra l-għalliema, fejn ftit wara l-istess kap tal-iskola ried li l-għalliema jiffirmaw meta jidħlu għal staff meeting, fi żmien meta kien hemm direttiva tal-Union tal-Għalliema (MUT). Dwar dan il-liċeo u dak li kien qed iseħħ fih, saru wkoll diversi mistoqsijiet Parlamentari.
Tensjoni u allegazzjonijiet
Dak li ntqal f’din il-laqgħa għall-istaff uriet it-tensjoni li hemm f’din l-iskola, bil-kap tal-iskola jagħmel ħafna allegazzjonijiet fuq l-istess staff tiegħu.
Fid-diskors tiegħu Abela qal li: “ippermettuli nuża din il-frażi – Annus Horribilis, għal dak li ġara matul din is-sena fl-iskola. Ħa nagħmlu analiżi ta’ x’ġara din is-sena u naraw il-miri għas-sena d-dieħla. Din is-sena għalija kienet Annus Horribilis. Din il-frażi ma użajtiex jien. L-ewwel darba li ntużat kien fl-1992 mir-Reġina Eliżabbetta, Kofi Annan tal-Ġnus Magħquda użaha fl-2004 u r-Re ta’ Spanja fl-2007.
“Għalija din is-sena kienet annus horribilis, biss b’wiċċ il-ġid ħriġna minnha bl-unuri, jien u kulħadd. Issemmejna u ċappsuna imma ma rnexxielhomx iħammrulna wiċċna. Dan kollu sar mill-midja u l-gazzetti. Tawna ħafna bħala skola fil-bloggs, l-posters tal-gazzetti. Tawn ħafna deskrizzjonijiet bħala skola każin, uniformi karnival, u studenti li joħorġu minn quddiem l-uffiċċju tas-surmast u ma jkellimhomx.”
“Jiddispjaċini ukoll fejn kien hemm rapport f’gazzetta fejn jiena sfurzajt lill-għalliema kollha għal staff meeting.
“Qalu li ħafna mill-għalliema spiċċaw għand tobba u fuq il-mediċini. Li ma ssuġġerejtx hu mingħand min tixtru l-mediċini jew x’tobba tużaw. Sfortunatament anke l-MUT, l-union tal-għalliema, ippruvat tħammiġli ismi imma ma rnexxilhiex għax li għamilt jien f’isem it-tfal kien għall-‘welfare tal-istudenti’. Qed nirreferi għal dak l-istaff meeting li għamilna, erġajna għamilnieh illum u qed niffirmaw. Dejjem niffirmaw.”
Meta jitkellem fuq studenti li jkollhom bżonn għajnuna waqt l-eżami, fosthom b’diżabilità, fl-istaff meeting hu qal: “għaliex 180 arranġament tal-eżami? Mhix ċajta ta u din ‘eye opener’ għall-awtoritajiet biex jaraw iċ-ċertifikati li għandna. It-tfal veru għandhom bżonn dan il-fsied kollu?”
Ċertifikati li saru mill-mara?
Tkellem dwar il-mistoqsijiet parlamentari li saru u jgħid li: “mhux tali hekk talli kellna mistoqsijiet fil-Parlament. Sitta bin-numri 14862 sa 14857. Ippruvajtu personali. Waħda minnhom bin-numru 14858, kieku stajt ħadtu Super 5 ħadtu, imma għadni ma ħadtux. Din kienet tgħid - tista’ l-Ministru tgħid jekk iċ-ċertifikati mediċi li ħadu għal uħud mill-għalliema fl-iskola Ninu Cremona li taparsi kienu morda u meta fil-fatt kienu siefru l-Ingilterra, sarux mill-mara tal-Kap tal-Iskola għax hi filfatt tabiba?” Dan mhux riklam ta, għall-mara tiegħi. M’għandhiex bżonn riklami. Imma fil-Parlament! Still I came out with flying colours. L-iskola Ninu Cremona ħarġet ‘with flying colours’. Ir-rispett li għandhom l-awtoritajiet lejn l-iskola tagħna hu inestimabbli.”
Dr. Frank Abela jkompli jgħid li “kulħadd jaf, all right, li sar żball. Tliet għalliema, erbgħa, ħamsa, kienu whatever. Ok. Ittieħdet azzjoni dixxiplinarja kontrihom. Biss hawn oħrajn, ħabib. Ta’ dawk inkixfu u ħadu azzjoni. Hawn oħrajn hawn ġew u dawn ma ssemmewx. Fil-midja ma ssemmewx, għax issa ħa nsemmihom jien fil-każ.
“Min huma dawn? Dawk li jieħdu s-sick leave, special leave bla bżonn, joqogħdu d-dar, għaliex? Għax illum għandi l-ħames lezzjonijiet u nibqa’ d-dar b’kapriċċ. All right ma jkunx sick.
“Dak mhux abbuż daqs tal-oħrajn. Dak daqshom. Dawk li jagħmlu pattern ta’ sick leave, ta’ special leave meta għandi l-1 Blue. Filgħodu nhar ta’ Erbgħa il-‘class teacher’ għandu dejjem il-kwarta special leave. Dejjem jidħol tard.
“Dak mhux abbuż serju? Abbuż serju dak narah jien. Biss il-midja ma tkellmitx fuq dan. Il-bloggs raw l-għalliema li marru xtraw il-kafe mingħand it-Tarmarisk. Dawk li jmorru fil-klassi bla ktieb, bla biro, bla white board marker. B’xejn, ħa jagħmlu l-lezzjonijiet minn moħħhom? Dak mhux abbuż?” qal is-surmast.
Skartaturi
“Ilni ngħidha minn meta bdejt jiena, ngħidilkom dawn l-affarijiet, dawk li taparsi jmorru għas-superviżjoni u ma jinżlux. Li ma jiġux għall-assembly filgħodu.
“Min ma jagħmilx il-lezzjonijiet, all right, l-akbar abbuż serju għalija. Nerġa ngħid dawn l-għalliema li jiskartaw, li huma skartaturi. Ħames snin ilu użajtha din il-kelma skartatruri u dawk ma ssemmewx fil-midja all right”.
“Kulħadd għandu xi jxomm, Ok? Kulħadd għandu xi jxomm. Ħeqq, il-Vanġelu jgħid ta’ l-ewwel ġebla, tafuha, jien ma nafx. Whatever. Mhux ġust għal ħafna oħrajn minnkom li jaħdmu bla ‘head’, li huma rekluti, li tagħmlu l-lezzjonijiet dedikati.
“Jiena dak il-wieħed, dawk it-tnejn, dawk it-tlieta, li skartaw mhux jaqtgħuli qalbi. Mhux ħa jaqtgħuli qalbi. Dak imbagħad jarah l-individwu, min skarta xogħlu – ftehmna!
“Jekk għandek uġigħ ta’ ras u m’għandekx aptit li toqgħod tparla ħafna, fair enough, ħa nagħmlu eżerċizzju flimkien imma qatt ma jsiru lezzjonijiet, scheme of work, record of work, xejn. Dak mhux abbuż.
“Whatever, dan kollu tfajtu wara spallejja u bqajt naħdem ‘l quddiem. Nibqa’ miexi jiena u l-istaff tiegħi. Taw daqqiet ‘under the belt’. Ituk daqqa tweġġà iħallu tbenġila, all right. It-tbenġila wara ftit taż-żmien tgħaddi imma hemmhekk kienet id-daqqa.”
|