www.it-torca.com  
Il-Ħadd 5 ta' Settembru 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Neptunes ċampjins tas-Sajf tal-waterpolo.....

Kajjik ġdid mill-Kalkara għar-Regatta tal-Vitorja.....

22 atleta Malti għal-Logħob tal-Commonwealth fi New Delhi.....

Tennis – US Open:
Il-favoriti jikkwalifikaw.....

Muturi – Grand Prix ta’ San Marino:
Pedrosa l-iktar veloċi fil-kwalifikazzjoni.....

Għal-logħba kontra l-Latvja:
Ivan Woods jieħu post Paul Fenech.....

Swieqi United jippreżentaw l-akkwisti l-ġodda u l-immaġini l-ġdida tal-klabb:
L-għan tagħna li nirbħu iktar punti mill-istaġun li għadda – Roberto Debrincat, kowċ ta’ Swieqi U......

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
ARTIKLI/KONTRIBUZZJONI

Inti tista’ tqatta’ ġurnata f’razzett tipiku Għawdxi...
minn evan chetcuti

Minkejja li qegħdin ngħixu f’soċjetà moderna u mgħaġġla fejn l-affarijiet materjali donnhom saru prijorità, xorta għadek issib min verament għadu jistinka u jaħdem biex iżomm dak kollu li huwa tradizzjonali u tagħna bħala poplu.

Fost dawn hemm Miriam u Victor Galea mill-Għarb Għawdex, li permezz tal-fondazzjoni li waqqfu bl-isem ta’ ‘Ager’, qegħdin jaħdmu qatigħ biex iżommu ħajjin l-agrikoltura u d-drawwiet Għawdxin. Fil-fatt permezz tal-Fondazzjoni tagħhom qegħdin jagħtu ċ-ċans lill-pubbliku jesperjenza u jgħix il-ħajja tipika tal-bidwi u r-raħħal Għawdxi billi jipparteċipa b’mod attiv fir-razzett – jagħlfu, iġiżżu, jaħilbu u saħansitra jitgħallem jagħmel prodotti naturali bħall-ġbejniet u ikel tipiku ieħor Għawdxi.

Iltqajt ma’ Miriam fil-pjazza tar-raħal tax-Xewkija. Minn hemm bdejna t-triq biex immorru sar-razzett ta’ Żeppi. Mat-triq spjegatli li wara li ħarġu b’dan il-kunċett biex ikomplu jżommu dawn it-tradizzjonijiet ħajjin, Żeppi kien minn tal-ewwel li offra l-għajnuna u r-razzett tiegħu biex jgħin f’dan l-iskop.

Wasalna fir-razzett ta’ Żeppi fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Ħanzira. Sibt lil Żeppi u l-martu Marjanna jistennewna fil-bieb tar-razzett. B’aċċent tipikament Għawdxi, Żeppi stedinni nidħol ġewwa filwaqt li Marjanna marret tħejji l-istanjata biex inkun nista’ nduq ftit kafè li jagħmlu huma stess.



Ħajja tipika tagħhom



Qbadna nitkellmu dwar il-kultura Għawdxija u l-ħajja tipika tal-bidwi u r-raħħal. Hawnhekk Miriam qaltli li bħalma maż-żmien inbidlu ħafna mill-affarijiet, hekk ukoll inbidlu u sfortunatament naqsu dawn it-tipi ta’ xogħlijiet u tradizzjonijiet.

“Qegħdin ninnotaw li maż-żmien it-tradizzjonijiet, drawwiet u xogħlijiet li kienu jagħmlu missirijietna qegħdin imutu bil-mod. Daw in-nies qegħdin jikbru u t-tfal tagħhom minflok ikomplu fejn ħallew huma qegħdin jagħżlu triqat u xogħlijiet oħra u qegħdin ikomplu jistudjaw fl-univeristà. B’hekk, fis-sena 2005, ħsibna li nwaqqfu din il-Fondazzjoni biex kemm jista’ jkun inżommu u nippreservaw dak kollu li huwa Għawdxi.”

Żeppi spjegali li dawk in-nies li jagħżlu li jqattgħu ġurnata miegħu fir-razzett jingħataw spjegazzjoni dwar kif beda, minn meta kien tifel jiġri wara missieru u jgħinu jagħlef il-bhejjem ta’ tifel li kien.



Tqatta’ ġurnata fir-razzett



“Nieħu gost nirrakkonta l-ħajja tiegħi tar-razzett meta kont għadni tifel ma’ missieri. Fil-fatt, fis-sena 1927, missieri kien diġà armat bil-mogħoż. Nemmen li b’dan ir-rakkont dwar il-ħajja tal-bidwi u r-raħħal f’dawk iż-żminijiet nista’ ngħin aktar lin-nies biex jifhmu x-xogħol iebes tagħna.”

Xrobna l-kafè u Żeppi stedinni biex flimkien miegħu nidħol fir-razzett fejn il-mogħoż, in-nagħaġ, it-tiġieġ u l-fniek li għandu. Qalli li wara li jispjegalhom dwar l-annimali u x-xogħol li jirrikjedu, jagħti ċ-ċans lil kull min jixtieq imidd idu fix-xogħol tar-razzett.

“Minkejja li jkunu qraw dwar l-annimali u l-ħajja tar-raħħal, meta jagħmlu x-xogħol huma stess, bħal tindif, jagħlfu l-mogħoż jew igizzu in-nagħaġ, l-istorja tkun differenti.”

Hawnhekk Miriam spjegatli li ħafna minn dawk li jiġu bħal ħaddiema tal-banek, studenti mill-università, turisti barranin, familji, gruppi minn kunsilli lokali u tfal tal-iskola jibqgħu mpressjonati u jibdew japprezzaw aktar ix-xogħol tal-bidwi u l-prodott lokali.

“Nemmen li f’dawn l-aħħar hames snin li ilna għaddejjin b’din l-inizjattiva qegħdin nilħqu l-għan tagħna. Infatti, mill-kummenti li jgħidulna dawk li jiġu hawn, jidher li qegħdin jifhmu aktar l-importanza tal-prodott Malti u l-bżonn li nkomplu nsostnuh fis-snin li ġejjin. Barra minnhekk, bl-ikla tradizzjonali li taf tipprepara tajjeb Mananni jifhmu wkoll l-importanza li dejjem nieklu ikel bnin u frisk kuntrarju għall-ikel ta’ malajr (fast food).

Barra ġurnata f’razzett tipiku Għawdxi, Miriam qaltli li bħala Fondazzjoni joffru wkoll mixjiet fil-kampanja Għawdxija. Spjegatli li wara li jiftehmu mal-bdiewa tal-lokal, jorganizzaw gruppi żgħar għal dawn il-mixjiet ma’ xi bdiewa.

“F’Għawdex għandna postijiet fil-kampanja li għandhom storja interessanti warajhom. Ħadd ma jaf dawn l-istejjer aktar mill-bdiewa tal-lokal. Għalhekk niftehmu magħhom biex waqt dawn il-mixjiet mill-isbah fil-pajsaġġi Għawdxin, ikunu huma stess li jagħtu l-informazzjoni.”

Minkejja din l-inizjattiva mill-aqwa, fejn barra li tippromwovi l-kultura Għawdxija qiegħda tgħin ukoll biex jikber it-turiżmu f’Għawdex, b’dispjaċir Miriam spjegatli li ftit li xejn isibu għajnuna u sapport mill-awtoritajiet konċernati. Temmen li l-awtoritajiet għandhom jgħinu u jħeġġu biex aktar inizjattivi bħal dawn ikomplu jikbru.

“Sfortunatament aħna aktar apprezzati minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Responsible Tourism Awards, Terra Madre u oħrajn milli minn organizzazzjonijiet lokali.”

Madankollu, minkejja dan in-nuqqas, il-Fondazzjoni Ager xorta beħsiebha tkompli għaddejja bix-xogħol siewi tagħha peress li d-domanda għal din l-esperjenza unika kull ma tmur dejjem qiegħda tikber. Bl-għan ewlieni biex dawn it-tradizzjonijiet u drawwiet Għawdxin li tant kienu magħrufa għalihom missirijietna jibqgħu ħajjin biex ingawduhom u ngħadduhom lil ġenerazzjonijiet oħra.

Biex issir taf aktar dwar il-Fondazzjoni Ager tista’ tidħol fil-website www.agerfoundation.com jew iċċempel fuq 21556976.


Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Artikli/Kontribuzzjoni
·  L-artisti Maltin li jgħixu fid-dinja tal-komiks...


IT-TEMP - 5/9/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 28º

Riħ:  Hafif mil-Lvant li jsir vrjabbli
Baħar:  Hafif
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.