It-tariffi tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) żdiedu mingħajr ebda konsultazzjoni.
Stqarr dan mat-TORĊA l-Perit Vince Cassar, ‘chairperson’ tal-Kamra tal-Periti. Huwa saħaq li ż-żieda fit-tariffi kellha tiddaħħal fuq perjodu filwaqt li esprima tħassib dwar l-impatt li din id-deċiżjoni se jkollha fuq in-negozju tal-kostruzzjoni.
“Il-Kamra ma kellha l-ebda diskussjoni mal-gvern jew mal-MEPA dwar dawn it-tariffi. Huwa veru li l-gvern ma jistax jibqa’ jissussidja l-MEPA għal dejjem u ħaġa bħal din kellha xi darba jew oħra tiġri. Iżda, dawn it-tariffi daħlu malajr u setgħu ġew ‘phased in’ fuq perjodu aktar wiesgħa għax sejrin joħolqu impatt kbir fuq in-negozju tal-kostruzzjoni speċjalment fuq dak li jirrig-
warda bini ta’ natura kum-merċjali,” emfasizza l-Perit Cassar.
“Nisperaw li issa, kull min qiegħed jitlob permess mill-MEPA, u qiegħed iħallas għas-servizz ‘in full’, għax hekk jidher li se jsir, jinqeda aħjar u b’aktar effiċċjenza, kif wara kollox hija l-intenzjoni tar-ri-forma,” żied jgħid.
Fost l-iktar żidiet sostanzjali kien hemm dawk fuq ‘com-pliance certificates’ (żieda ta’ 600%), garaxxijiet (żieda ta’ 1000%), development noti-fication orders (żieda ta’ 400%), estensjonjiet ta’ kmamar (żieda ta’ 500%) u dawk li se jieħdu parir dwar applikazzjonijiet mill-MEPA (li għalih issa jridu jibdew iħallsu €50).
Roderick Galdes, Kelliem tal-Partit Laburista għall-MEPA, qal li “t-tariffi qawwija għall-applikazzjonijiet ġodda quddiem il-MEPA huma konferma li l-poplu Malti se jkollu jħallas għall-inefiċċjenza tal-gvern ta’ Lawrence Gonzi.”
Il-MEPA, li għandha Chair-man b’salarju li jiżboq id-€90,000 fis-sena, kellha defiċit ta’ għaxar miljuni is-sena li għaddiet.
Intant, meta mistoqsi dwar il-mod kif qiegħda tkun im-plimentata r-riforma, il-Perit Cassar qal li din qiegħda tieħu fit-tul.
“Fl-opinjoni tal-Kamra tal-Periti ir-riforma tal-MEPA qiegħda tieħu fit-tul. Hemm ħafna affarijiet fir-riforma li setgħu saru mill-ewwel mingħajr ma kien hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni ġdida,” qal Cassar.
“Fejn kien hemm affarijiet li kienu jitolbu emendi fil-leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjoni ġdida naħseb li l-proċess biex wasalna s’hawn seta’ kien iżjed mgħaġġel u wasalna aktar kmieni. Sentejn u nofs għar-riforma li fl-opinjoni tagħna hija riforma purament amministrattiva huwa żmien pjuttost twil,” kompla jispjega.
“Il-Kamra kienet saħqet għar-riforma li kienet iġġib iżjed kwalità fl-ippjanar u fid-disinn u li kienet twassal għal titjib fl-ambjent li ngħixu fih. Din il-parti tar-riforma ma saritx, avolja dan l-aħħar waqt id-diskussjoni fil-Parlament, il-Partit Laburista ressaq l-idea ta’ Spatial Planning u mhux iżjed dik ibbażata purament fuq l-iStructure Plan. Il-gvern jidher li jaqbel ma dan is-suġġeriment. Jonqos issa li naraw kif dan se jkun implimentat fil-prattika,” temm jgħid Cassar.
|