|
IL-PERIT Conrad Thake ilmenta fl-aħħar ħarġa ta’ ‘The Architect’ li l-proġetti l-kbar f’pajjiżna qegħdin isiru minn periti barranin, bil-ħila tal-periti Maltin titkejjel biss b’kemm huma kapaċi jgħaddu mill-proċess burokratiku tal-MEPA.
Thake, li jgħallem ukoll fl-Università ta’ Malta, jgħid li kienu ftit l-istejjer ta’ suċċess fejn periti Maltin għamlu kemm il-‘brief’ ta’ proġett kif ukoll ix-xogħol fuqu.
Fost dawn il-proġetti ta’ suċċess isemmi il-Cruise Passenger Terminal u l-Waterfront tal-Belt.
“Dan mhuwiex dejjem il-każ illum. F’ħafna okaż-jonijiet, periti lokali ngħataw il-ġenb. Proġetti kbar bħal Smart City u l-White Rocks, li kien imniedi riċentament, kellhom ftit jew xejn kontribut mill-periti Maltin,” argumenta Thake.
Fl-istess artiklu fakkar ukoll f’dak li kien ġara fil-proġett tal-Pjazza San Ġorġ u li qed jiġri fi proġetti pubbliċi oħra, fejn disinjatur u mhux perit ingħata x-xogħol biex jiddisinja din il-pjazza.
“Wieħed jinnota wkoll deċiżjoni riċenti tal-gvern li jappunta ‘interior designer’ biex jaġixxi bħala ‘design guru’ informali biex jara l-implimentazzjoni u d-disinn ta’ proġetti pubbliċi kapitali,” kiteb Thake.
Il-perit kien qed jirreferi għal Carlo Schembri li xhur ilu kien appuntat Direttur Artistiku fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jingħad li Schembri għandu ħbiberija ma’ Edgar Galea Curmi, li huwa s-Segretarju Personali tal-Prim Ministru u li f’Kastilja għandu saħħa kbira.
Tal-konsulenza u d-disinn ta’ Pjazza San Ġorġ biss, minbarra s-salarju li għandu, Schembri tħallas ftit inqas minn €40,000.
Thake qal li filwaqt li ‘interior designer’ jista’ jkollu ħila kbira kif jiddisinja penthouse, sostna li biex tiddisinja pjazza storika fil-qalba tal-belt kapitali trid ħiliet differenti.
F’dikjarazzjoni mill-iktar b’saħħitha Thake kiteb ukoll li ‘interior designer’ ma jsirx disinjatur urban għax huwa mbuttat mill-patronaġġ politiku.
|