Għal aktar minn tliet xhur id-dinja assistiet għal dak li seħħ fil-Golf tal-Messiku; splużjoni fuq rig taż-żejt li mhux biss ħalliet ħdax-il ħaddiem mejjet iżda tat bidu għal katastrofi ambjentali li r-riżultati tagħha għadhom iridu jkunu magħrufa. Minkej-ja l-eluf ta’ mili bogħod minn pajjiżna, din il-katastrofi taf ikolha impatt fuq pajjiżna. It-TORĊA tinsab infurmata li uffiċjali fi ħdan il-gvern Malti qegħdin jieħdu bis-serjetà l-possibilità li ż-żejt li ħareġ fil-Golf tal-Messiku jista’ jispiċċa fil-Mediterran u jolqot lil pajjiżna, b’mod speċjali f’dik li għandha x’taqsam mal-produzzjoni tal-ilma mill-baħar permezz tar-reverse osmosis.
Fil-jiem li għaddew it-TORĊA ltaqgħet ma’ espert barrani li qed jgħin lill-awtoritajiet Maltin fi studju u preparazzjoni ta’ rapport dwar il-possibilità li Malta tintlaqat minn din il-katastrofi. L-espert qalilna li l-awtoritajiet Maltin huma ferm inkwetati mill-fatt li mhux jingħad kemm fir-realtà ħareġ żejt mhux maħdum fil-Golf tal-Messiku. Aktar ma jkun kbir il-ħruġ ta’ żejt aktar tkun kbira l-possibilità li dan iż-żejt jinfirex ’il barra mill-Golf tal-Messiku u jispiċċa fl-Atlantiku!
Iżda kif jista’ jasal Malta
L-ibħra tad-dinja huma mħaddma permezz ta’ diversi kurrenti. Il-kurrenti li l-aktar għandhom jinteressawna huma l-Gulf Stream u n-North Atlantic Drift. Kif wieħed jista’ jinnota mill-ewwel, il-Gulf Stream huwa l-ewwel kurrent li l-baħar li joħroġ mill-Golf tal-Messiku jiltaqa’ miegħu. Malli jinqabad fil-Gulf Stream, il-baħar imniġġes miż-żejt jimxi tul il-kosta tal-Lvant tal-Istati Uniti u l-Kanada sakemm jinqabad fin-North Atlantic Drift. Dan jaqsam l-ispazju li jeżisti bejn il-kosta Amerikana u dik tal-kontinenti tal-Ewropa u l-Afrika.
Fil-fatt in-North Atlantic Drift jinqasam fi tnejn: parti titla’ lejn il-gżejjer Brittanniċi u tingħaqad mal-Kurrent Norveġiż, u parti oħra tinżel lejn il-kosta Spanjola u tingħaqad mal-Kurrent Kanarju. Huwa hawn li teżisti l-possibiltà li l-baħar kontaminat – u anke qtajja ta’ żejt – jidħol fil-Mediterran minħabba li l-kurrenti tal-baħar Mediterran jieħdu mill-Kurrent Kanarju. Kemm hi reali din il-possibilità? Skont l-espert: “Ħafna jekk l-apparat li qed jikkontrolla l-ħruġ ta’ żejt ma jkunx kapaċi jżomm il-pressjoni taħt kontroll.”
’l fuq minn 200 miljun litru ta’ żejt fil-baħar
Dan ix-xenarju jista’ jidher wieħed tal-fantaxjenza, iżda huwa biżżejjed reali tant li qed ibeżża’ lill-awtoritajiet Maltin. L-espert li tkellmet miegħu t-TORĊA qal li litru żejt iniġġes miljun litru ta’ ilma u jġibu f’livell li ma jkunx jista’ jinxtorob.
Dan l-espert jinsab inkwetat minħabba l-fatt li sa issa l-kumpanija BP (British Petroleum) għadha ma ħarġitx b’mod uffiċjali l-ammont reali ta’ kemm żbroffa żejt fil-Golf tal-Messiku. Iżda jekk wieħed ifittex ftit fuq l-internet u jfittex fid-diversi rapporti mill-media internazzjonali, u anke minn whistle blowers (impjegati mal-kumpanija BP u anke impjegati governattivi Amerikani li għandhom ħjiel ta’ x’qed jiġri u ddeċiedew li jitkellmu) l-ammont ta’ żejt maħruġ fil-Golf tal-Messiku huwa wieħed fenomali.
F’rapport fuq is-sit elettroniku tal-ġurnal Ġermaniż Bild, f’Ġunju li għadda, kien rapportat li kienu diġà ħarġu ’l fuq minn 189 miljun litru ta’ żejt mhux maħdum. Dan ir-rapport kien ippubblikat fit-8 ta’ Ġunju. Sa dak iż-żmien ir-rapporti kienu li l-istima ta’ żejt li ta’ kuljum kien qed joħroġ mill-bir fil-Golf tal-Messiku kienet ta’ bejn 2.2 miljun litru jew 4.7 miljun litru. Kien biss fis-16 ta’ Lulju li l-BP irnexxielha tpoġġi kappa ġdida biex tikkontrolla l-ħruġ taż-żejt.
Għalhekk wieħed faċli li jagħmel kalkolu ta’ kemm hi kbira l-kwantità ta’ ilma baħar li sfat kontaminata.
Barra l-kontaminazzjoni tal-produzzjoni tal-ilma għax-xorb, teżisti l-possibilità li pajjiżna anke jintlaqat minn tniġġis fuq il-kosta kif ukoll fuq il-provvisti tal-ħut li l-qbid tagħhom huwa l-għajxien ta’ ħafna sajjieda Maltin.
“Jidher għalhekk li hu meħtieġ malajr kemm jista’ jkun li jkunu ppubblikati ċ-ċifri reali ta’ kemm ħareġ żejt fil-Golf tal-Messiku u x’tip ta’ ħut tal-baħar huwa milqut” qal lit-TORĊA l-espert barrani.
Mhux żejt biss ħareġ
L-espert barrani qal lit-TORĊA li fl-ewwel jiem ta’ din il-katastrofi l-kumpanija BP qalet biss li l-ammont ta’ żejt maħruġ fil-Golf tal-Messiku kien wieħed insinjifikanti: “L-insinjifikanti għal BP seta’ jfisser li a’ kuljum kienu qegħdin joħorġu fil-Golf tal-Messiku madwar 100,000 barmil żejt.”
Huwa qal li f’dan il-każ huma ħafna d-dettalji li mhux qegħdin jingħadu lill-pubbliku. Fost l-affarijiet li l-pubbliku mhux infurmat bihom, jew id-dettalji għadhom moħbija, hemm il-kwantità ta’ żejt li ħarġet u kemm hu l-ammont ta’ gassijiet valenużi li ħarġu fl-arja.
L-espert għamel referenza għal tliet gassijiet partikolari: Hydrogen Sulfide, Benzine u Methylin. Huwa qal li skont l-Aġenzija Amerikana għall-Ħarsien tal-Ambjent (EPA) il-preżenza ta’ Hydrogen Sulfide ma tkunx ta’ periklu għall-bniedem jekk l-ammont ikun bejn 5 jew 10 ppb (compound per billion) meta fil-post fejn ħiereġ iż-żejt l-ammont tela’ għal 1,200 ppb. Fil-każ tal-Benzine l-ammont ta‘ bla periklu għandu jkun ta’ 0.24 ppb,biss fuq il-post tal-inċident huwa ta’ 3,000 ppb. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Methylin l-ammont ta’ bla periklu huwa ta’ 6 ppb. Iżda fuq il-post tal-inċident l-ammont ta’ Methylin rilevat kien ta’ bejn 3,000 ppb u 3,400 ppb.
Huwa qal li dawn il-gassijiet jistgħu jispiċċaw jinxterdu aktar hekk kif fiż-żona tal-ħruġ taż-żejt tibda tintlaqat mill-uragani.
L-espert qal li dawn il-gassijiet huma ferm valenużi għall-bniedem u jistgħu joħolqu kumplikazzjonijet fuq il-ħajja tiegħu. Huwa semma kif fil-każ tal-Benzine dan il-gass, jekk jispiċċa fis-sistema tal-bniedem, jista’ jattakka lill-qalb, lill-pulmun, lill-kliewi, lill-moħħ u anke joħlok il-lewkemija: “Jien għadni ma nafx għaliex l-Aġenzija għadha ma ħarġitx b’avviż ta’ periklu għan-nies li jgħixu fl-inħawi tal-Golf tal-Messiku, aktar u aktar jekk l-urugani se jkunu qegħdin iġorru dawn il-gassijiet fejn il-postijiet abitati.
Il-ġidba dwar in-nuqqas ta’ żejt
L-espert barrani li tkellmet miegħu t-TORĊA qal li forsi l-uniku aspett pożittiv li seħħ bl-inċident fil-Golf tal-Messiku huwa li tinħareġ fil-pubbliku l-gidba li teżisti dwar it-tnaqqis fil-livelli ta’ żejt fid-dinja.
Skont dan l-espert, il-kumpanija BP ppruvat tagħmel fil-Golf tal-Messiku l-istess ħaġa li ilhom jagħmlu r-Russi sa mis-snin 70.
Huwa qal li permezz tad-Deep Water Horizon Maconda Oil Well il-BP niżlet madwar 35,000 pied taħt qiegħ il-baħar. L-għan kien biex huma jtellgħu dak li hu magħruf bħala Abiotic Crude Oil. Kontra dak li qed jingħad il-provvista taż-żejt mhux vera li qiegħda tonqos. Bil-kontra tal-fossil oil – li huwa prodott ta’ dekompożizjoni ta’ organiżmi fuq miljuni ta’ snin - l-Abiotic Oil huwa riżultat ta’ proċess kimiku naturali li kontinwament isir taħt il-qoxra tad-dinja, mill-pjaneta nnifisha.
Mistoqsi l-għaliex dan il-fatt qatt ma’ ħareġ fil-beraħ, l-espert wieġeb li r-raġuni hija sempliċi: “Profitt. Jekk joħroġ fil-beraħ li ż-żejt jista’ jittella’ minn ferm l’isfel fil-qoxra tad-dinja, kieku ma tibqax fis-seħħ il-gidba li ż-żejt qed jonqos u b’hekk jistgħu jitolbu prezz ferm ogħla għalih.”
ivin.catania@unionprint.com.mt
|