|
|
Il-faqar relattiv f’pajjiżna... x’jiġifieri tkun fqir u kif jgħixu dawn il-persuni? “Ngħix ġurnata b’ġurnata... f’inċertezza kontinwa”
|
“Fi tmiem il-ġimgħa ma noħroġx. Jekk nagħmel hekk ikun ifisser li rrid innaqqas minn x’imkien ieħor. Tal-każin tal-banda jkol-lhom diversi ikliet u ‘country nights’. Jogħġbuni u nitħajjar immur, xejn xejn inkun ma’ sħabi, imma €15 minn fejn se nġibhom. Dejjem nitlob li ma jinqalgħux spejjeż kbar jew ħsarat għax ma nafx minn fejn se nġib il-flus. Għidli kif tista’ tgħix b’pensjoni tad-diżabilità ta’ €376 fix-xahar? Jiġifieri €94 fil-ġimgħa. Tispiċċa tgħix ġurnata b’ġurnata. Imċaħħad minn ħafna affarijiet. Tgħix bit-tensjoni li ma jmurx tinqala’ spiża ta’ malajr. Ġieli nispiċċa nmur nitlob l-għajnuna għand l-Arċipriet biex forsi jgħinni ftit. L-aħħar li mort kien meta mort il-poliklinika minħabba l-influwenza u ordnali antibijotiċi qawwijin. Ma kellix biex nixtri-hom. L-Arċipriet għeni.”
Hekk sostna Paul (nużaw isem fittizju biex nipproteġu l-identità), meta laqagħna fid-dar sempliċi li għandu, għera minn kull tip ta’ lussu u kumditajiet. Paul hu wieħed minn dawk li f’pajjiżna qed jgħix f’faqar ‘relattiv’.
Għalkemm għandu saqaf u ikel, id-dħul finanzjarju tant hu baxx li jrid jiċċaħħad minn ħafna ħtiġijiet bażiċi, waqt li jispiċċa ma jattendix diversi attivitajiet għax m’għandux mezzi biex jipparteċipa. L-akbar uġiegħ ta’ ras hi meta tinqala’ xi spiża li ma jkunx qed jistenniha fosthom mediċini, manutenzjoni, jew ħsarat. Il-mistoqsija li jagħmel Paul hi “minn fejn se nġib il-flus?”
Jippreferu jibqgħu inviżibbli... moħbijin
“Nagħmillek tazza ilma?” laqagħni hekk kif dħalt f’daru. Skuża ruħu li ma setax joffrili xi ħaġa oħra. “Nixtri ilma għax dak l-irħas. Inżomm kaxxa luminata tad-ditta, biex ikolli għal ommi meta tiġi,” spjegali Paul.
Fid-diskursata li kelli miegħu, staqsejtu jekk qattx mar jitlob għajnuna għand id-diversi għaqdiet non governattivi li jeżistu. Qalli “ma mort għand ħadd. Meta nkun magħfus ħaf-na u ma nistax nagħmel mod ieħor inmur għand l-Arċipriet. Kienet kellmitu ommi u jaf bis-sitwazzjoni tiegħi. Dejjem jgħinni.”
Jenfasizza li: “ifhimni qatt ma ridt immur għandu. Kont nit-lob lil ommi, imma hi mhux dejjem tkun tista’ tgħinni u f’xi ħaġa urġenti u ta’ malajr aktar ma tkunx tista’ għax ma toqgħodx fl-istess lokal tiegħi. Lanqas lil ħuti ma kont ngħid bil-problemi finanzjarji biex ngħix. Huma miżżewġin u nistħi ngħidilhom. Hi kienet kellmet lill-arċipriet u dan ġie jitkellem miegħi hawn.”
“Qatt ma mort għand ħadd aktar. Nistħi. X’se tgħidilhom? Li ma kellekx biex tixtri ċerti affarijiet, jew li m’għandekx flus biex tixtri ż-żebgħa biex tbajjad id-dar, jew li m’għandekx biex tixtri l-antibijotiċi? Nippreferi nibqa’ nżomm kollox bejn dawn l-erba’ ħitan jew niċċaħħad minn xi ħaġa, milli mmur qisni qed nittallab l-għajnuna,” kompla jgħidli Paul.
Inċertezza u tensjoni kontinwa
“B’€94 fil-ġimgħa jien irrid nixtri u nħallas in-neċessitajiet tiegħi. Ħafna mill-affarijiet nis-piċċa ma nixtrihomx għax ma jkunx fadalli flus. Tispiċċa tgħix ġurnata b’ġurnata. Taf li hemm ċerti affarijiet li lanqas tħares lejhom. Jien il-biżgħa tiegħi hi meta tinqala’ xi emerġenza fid-dar jew ikollok ħsara. Flus biex insewwi jew biex nixtri apparat ġdid m’għandix. Il-pensjoni tad-diżabilità nonfoqha f’ikel u bżonnijiet oħra. Nispiċċa mċaħħad minn ħafna affarijiet għax il-flus huma ftit.”
Jgħid li “ngħix b’tensjoni kontinwa għax naf li ċerti affarijiet irrid inħallihom barra. Anki titla’ sal-pjazza, tiltaqa’ mal-ħbieb u jgħidulek se jagħmlu ikla jew fenkata. Dejjem irrid inġib l-iskużi għax naf li flus biex inmur mhux se jkolli. Is-Sibt u l-Ħadd ħafna drabi ngħaddihom ġewwa, għax ma jkollix x’nonfoq. Se tmur u toqgħod tħares jew tħalli l-ħaddiehor iħallaslek? Iħallsulek darba u forsi darbtejn imma mbagħad daqshekk.”
Ċertu ikel ma nixtrihx għax ‘għali’
Paul jgħidilna li: “maż-żmien tidra x’għandek tixtri u ma tixtrix, biex għallinqas il-pensjoni sservik. Jekk nieħdu frott dejjem nixtri dak li jkollu l-irħas prezz – tuffieħ, larinġ u banana. Dawk l-irħas li nsib. Mhux se nmur nixtri frawli, ħawħ jew ċiprisk, li l-prezz tiegħu jkun ferm ogħla. L-istess fejn jidħol il-ħaxix. Per eżempju jogħġobni ħafna l-bżar ikkulurit imma dak jiswa €3.50-il kilo. Għali wisq. Għalhekk nixtri ħaxix ieħor irħas bħall-pastard u kaboċċi li ħafna drabi jkunu bejn €0.50 u €1.00-l waħda skont iż-żmien, imma li jservuni ħafna aktar. Meta se nagħżel it-tadam mhux se nixtri miċ-ċatt ta’ Malta għax dak ikun bejn €1.50 u €2.00. Nagħżel it-tadam tas-serer li jkun ferm irħas bejn €0.80 u €1.00, ovvjament skont iż-żmien. Ħaxix ieħor bħall-qarabagħli u brokkoli, nimxi skont kif ikun il-prezz. Jekk narah irħis nixtri inkella nħallih hemm.”
Paul jgħid ukoll li “anki fuq il-laħam, noqgħod attent ħafna. Mhux se nmur nixtri xi kilo jew tnejn laħam li jiswa l-flus, per eżempju ċanga tal-Irlanda jew ħaruf tal-Irlanda. Mhux għax ma nikolhomx imma għax prezzhom hu għali. Il-laħam inħobbu u għalhekk nagħżel li nixtri varjetà ta’ laħam li hu rħis fis-suq bħall-pork chops, spare ribs u tiġieġ, flimkien ma’ burgers u Gordon Bleu peress li prezzhom ikun irħas.”
“Nixtri ħafna għaġin, għax dan apparti li mhux daqstant għali, iservini ħafna u ndum nagħmel minnu. Biex inġebbed il-pensjoni jiswini li niekol l-għaġin. Ftit zalza tal-bott u xi bajda u malajr nagħmel ikla.”
“Luminati ma nixtrix għax jinħlew malajr – għax tixrob u trid terġa’ tixrob. Fil-prezz aktar għaljin mill-ilma. Nixtri l-ilma. Kull ma nixtri hu kaxxa luminata tad-dieta fix-xahar għal meta tiġi ommi d-dar. Hemm ħafna prodotti preservati li nkun irrid nixtrihom, jew ħlewwiet bħall-pasti u krema. Imma ma nixtrihomx, għax inkella l-pensjoni ma sservix. Ommi taf b’dan u kull meta tiġi dejjem iġġibli xi ‘jelly’, ‘krema’ jew xi pasta. Ħafna drabi ġġibli anke xi ħaġa żejda biex inpoġġiha fil-friġġ u nikolha darba oħra.”
“Hemm ħafna affarijiet oħra li jogħġubni bħall-cornflakes, perzut, mortadella u l-ġobon. Imma jekk nixtrihom il-pensjoni ma sservinix. Ġieli naqa’ fit-tentazzjoni. Ommi tirrimarkali fuq is-sigaretti u tgħidli li m’għandix x’irridhom u li dawk flus żedja. Naqbel magħha, imma la tkun bil-vizzju diffiċli taqtagħhom. Jien imbagħad għaddej minn ċerti trawmi u kont infexxejt fis-sigaretti. Illum naqqasthom ħafna u npejjep biss pakkett fil-ġimgħa. Noħroġ is-sigaretti tal-ġurnata u ngħid dawn għal lum. Lanqas li kieku rrid ma nista’ npejjep aktar.”
|
“Għandek bżonn tbajjad...” Ngħidilhom li ma nagħtix kas”
Paul jgħidli “naħseb inti stess indunajt li din id-dar għandha bżonn tibjida sew. Kull min jiġi hawn jgħidli għandek bżonn tbajjad. Anki ġie ħija qalli,‘kif ħallejthom hekk il-ħitan, ġib wieħed u jbajjadlek.’ Il-problema hi minn fejn se nġib il-flus. Mort niċċekkja ż-żebgħa, għandek €15-il landa. Ġibt wieħed jagħmilli stima, talabni €500, għax qalli li l-ħitan fihom ħafna ħsara u jridu barxa sew. Ħlas hu ferm akbar mill-pensjoni ta’ xahar tiegħi. Impossibbli nbajjad.” Spjegali li kull min qed jirrimarkali fuq il-ħitan, qed ngħidlu li “jien ma nagħtix kas u dawk ma jagħmlulix differenza.”
Ħwejjeġ.....mhux problema għax jatuni l-ġirien
Meta staqsejtu dwar ix-xiri tal-ħwejjeġ għax ma kienx semmihom, hu daħħalni fil-kamra tas-sodda u hemmhekk stajt nara munzell ħwejjeġ fuq xulxin. “Dawk tawhomli ta’ ħdejja. Ħwejjeġ li ħarġu minnhom. Jafu li m’għandix flus biex nixtri l-ħwejjeġ u ż-żraben u jatuni dak li joħorġu minnu. Għandi anke żewġ ħbieb tiegħi jatuni hekk. Ħwejjeġ għandi u m’għandix problema fix-xiri. Meta jatuni l-ħwejjeġ nippruvahom u nżomm dawk li jiġuni. L-oħrajn narmihom. Tant iġibuli li għandi l-gwardarobba mimlija.”
Persuni b’diżabilità bla kmamar tal-banju
it-Torċa tkellmet ma’ għadd ta’ persuni b’diżabilità – li jiffurmaw parti minn grupp, dwar l-apparat domestiku li huma għandhom fid-dar. Meta tkellimna magħhom ħareġ li waqt li kollha għandhom televiżjoni, fridge, cooker, geyser u linja tat-telefon, huma rrimarkaw li minħabba d-dħul baxx tagħhom hu diffiċli li jkollhom ċertu ap-parat domestiku. Ir-raġuni prinċipali li tawna kienet dik li m’għandhomx mezzi biex jixtruhom.
Fost l-apparat domestiku li jixtiequ li jkollhom imma m’għandhomx flus biex jixtruh hemm dvd player, kompjuter, tumbler dryer, dishwaher, freezer, solar water heater u apparat tal-arja kundizzjonata.
Din ix-xejra toħroġ minn studju dwar iċ-ċensiment li kien sar mill-Kummissjoni Naz-zjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD). Waqt li 50% tan-nies bla diżabilità għandhom apparat tal-arja kundizzjonata, huma biss 36% tan-nies b’di-żabilità li għandhom dan l-ap-parat. Fejn jidħlu s-solar water heaters, waqt li 4.2% tan-nies bla diżabilità għandhom dan l-apparat, huma biss 2.6% tal-persuni b’diżabilità li għand-hom dan. Fir-rigward tal-kom-pjuter naraw li 37% biss tal-persuni b’diżabilità għandhom kompjuter, waqt li l-persentaġġ ta’ dawk bla diżabilità jitla’ għal 60%. Dwar dvd player naraw li huma biss 40% tal-persuni b’diżabilità li għandhom wie-ħed, mentri l-persentaġġ ta’ dawk bla diżabilità jitla’ għal 62%.
Fejn jidħol l-internet, għodda importanti sew illum, naraw li 72% tal-persuni m’għandhomx aċċess għal dan is-servizz, bil-persentaġġ tal-bqija tal-popolazzjoni tkun ta’ 51%. Persuni b’diżabilità li tkellmu magħna, spjegaw li bil-pensjoni u l-benefiċċji li għandhom ma jifilħux iħallsu għall-internet.
Mill-istudju dwar iċ-ċensi-ment jirriżulta wkoll li għandna 1% tan-nies b’diżabilità li m’għandhomx kċina fejn isaj-ru, waqt li 3.2% tal-persuni b’di-żabilità la għandhom kamra tal-banju u lanqas shower.
Punt li jitqajjem b’mod re-golari mill-persuni b’diżabilità hi dik tal-manutenzjoni tad-dar. Mill-ewwel isemmulek l-ispiża biex issir il-manutenzjoni u meta titkellem magħhom issib li hemm minnhom li qegħdin jgħixu fi djar li għandhom bżonn ċerta manutenzjoni fosthom xorok imkissrin jew soqfa jitħaffru – b’xi wħud mid-djar anke klassifikati mill-periti bħala kkundannati.
Anzjana b’diżabilità meta staqsejniha kif għadha tgħix f’dar ikkundannata qaltilna li “tħabatt ħafna. Bqajt ma ħadtx dar. Jien ma nistax nitla’ taraġ. Għandi s-saqaf qed jaqa’ ftit ftit bil-ħadid jidher. M’għandix biex nirranġa.”
Mill-istudju fuq iċ-ċensiment joħroġ li waqt li 46.9% tal-persuni b’diżabilità jgħixu fi djar li jinsabu fi stat tajjeb hemm 33% li jgħixu fi djar li għandhom bżonn ftit manutenzjoni, waqt li 11.2% qegħdin jgħixu fi djar deskritti bħala li għandhom bżonn manutenzjoni moderata. 8.2% tal-persuni b’diżabilità jgħixu fi djar li għandhom bżonn manutenzjoni urġenti, waqt li 0.6% qed jgħixu fi djar dilapidati.
57,000 jaqilgħu biss bejn €95 u €105 fix-xahar
Fl-istess sitwazzjoni ta’ Paul, jiġifieri li jaqilgħu bejn €95 u €105 fil-ġimgħa biss, f’Malta għandna xejn inqas minn 57,000 persuna minn popolazzjoni ta’ 400,000. Dan ifisser li f’pajjiżna għandna 14% tal-popolazzjoni li qiegħda tgħix fil-faqar. Il-linja tal-faqar f’Malta kienet iffissata bħala 60% tal-medja nazzjonali tad-dħul ta’ kull per-suna, ekwivalenti għal €5,477 fis-sena.
Fost dawk li jaqilgħu dan id-dħul baxx hemm persuni b’diżabilità, persuni li jbatu minn mard mentali, dawk li jbatu mill-iskiżofrenija, anzjani u romol.
Bl-għan li l-faqar ikun miġ-ġieled b’mod aktar effettiv u biex tinħoloq kuxjenza ak-bar fuq il-faqar u dawk li jgħixu fih, l-Unjoni Ewropea id-dedi-kat is-sena 2010 bħala s-sena Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. F’din il-kampanja l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffoka ħafna fuq is-solidarjetà. L-għan tal-Unjoni Ewropea hu fil-pajjiżi Ewropej kollha tinħoloq kuxjenza billi l-poplu jkun jaf aktar bil-faqar ta’ madwar biex b’hekk iċ-ċittadini jipparteċipaw aktar fil-ġlieda kontra l-faqar. Il-kampanja qiegħda tenfasizza ħafna biex tagħti vuċi lill-fqar u l-bżonnijiet tagħhom, waqt li tipprova tkisser l-istigmi li huma marbutin mal-faqar.
Fi kliem Paul, “nifhem kemm hi importanti s-solidarjetà. Jien din għaddej minnha u nesperjenzaha. L-għajnuna li nirċievi minn ta’ madwari hi kbira u tgħinni ħafna f’ħajti. Ħafna drabi mnalla jkunu hu-ma. Qatt ma ridt nitkellem fuq il-faqar li qed ngħix fih, imma din il-kampanja Ewropea għamlitli l-kuraġġ li nitkellem. Nittama li l-esperjenza tiegħi twassal biex tikber is-solidarjetà u fuq kollox dawk li qegħdin jgħixu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar, ikollhom ħajja b’inqas problemi u tensjoni.”
L-infieq ta’ xahar minn pensjoni ta’ €376 għad-diżabilità
Żewġ xirjiet laħam
Pork Chops €3.69
Pork Spare Ribs €3.90
Dewfresh Bacon 200g (4 packets) €5.96
Bone less beef for broth €4.50
Chef Choice Chicken Breasts €5.20
Chef Choice Chicken Escalopes x 4 €8.00
Ham and Cheese Burger x 4 €2.77
Chicken Gordon Bleu €4.36
Total €38.38
Minerali
5 kaxxi Fontana f’xahar €11.45
7 up diet 1.5 litres x 6 €5.95
TOTAL €55.78
(Noqgħod attent li jservuni għal tlett ijiem)
Ħalib 0.78c
Yoghurt Benna 0.33ċ x 3
Ħobża kbira 0.65ċ
Spiża ta’ tlett ijiem hi ta’ €2.42 ( €21.78 f’xahar)
Total €77.56
Għaġin
Agnesi Couscous 550g €1.04
Agnesi Penne Rigate 1 kg €1.74
Agnesi Spaghetti 1 kg x 2 €1.74 €3.48
Total fix-xahar €6.26
Oġġetti oħra tal-ikel li nxtraw
Bordon Beef 340g €1.57
Zwan Cocktail Sausages €1.24
Knorr Vellutata Spinach soup €1.99 x 2
Agro Black pitted olive 150 g €0.88
la doria passata 700 ml €0.82
Mayor Salsa Bolognaise 200g €0.70
Tużżana bajd fix-xahar €1.50
TOTAL €94.51
Kera ta’ €120 fix-xahar għall-post €120
Karozza tal-linja €1 kull vjaġġ
Qisu nużaha tlett darbiet
fil-ġimgħa spiża ta’ €12
Telefon €9.99 fix-xahar
Television €10
TOTAL €20
Gillette Blue Blade €3.49
Tana toilet paper rolls x 6 €1.90
TOTAL €251.90
Xiri mingħand il-confectionery
Lorenz Salted peanuts 200g –
wieħed fil-ġimgħa €1.08 - f’xahar €4.32
Tal-furnar galletti 70g bil-€0.45
Erbgħa fil-ġimgħa €7.70
Devlight Choc Cookies 0.97 x 4 €3.88
TOTAL €267.80
Sigaretti pakkett fil-ġimgħa €4 €16.00
TOTAL €283.80
Spiża ta’ tlett xhur
Gass €13
(għax itellagħhuli fuq hu stess)
Qtugħ ta’ xagħar €5
Sapun, detergents, fwieħa,
aftershave, creams 20
€15 fix-xahar
TOTAL €298.80
Frott u ħaxix
Qisu bejn €5 u €6 fil-ġimgħa - bejn €20 u €24
Total ta’ €318.80
Il-kont tad-dawl u l-ilma
Naħli bejn 5 u 7 units – spiża ta’ madwar €0.96c kuljum.
Jiġini bejn €40 u €50 fix-xahar
TOTAL €368.80
|
|
Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet Lokali
|
|
|
|
|