|
SAN GWANN...1
ST. GEORGE’S...2
St. George’s telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara li għelbu lil San Gwann f’partita li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima. B’dawn it-tliet punti St. George’s fetħu tamiet ġodda għar-rebħ tal-promozzjoni meta issa jinsabu żewġ punti taħt Marsaxlokk u wieħed taħt Vittoriosa Stars għalkemm ix-Xlukkarjri lagħbu partita anqas.
Il-partita bdiet fuq nota kwieta b’St. George’s ikunu aktar aggressivi u fl-24 minuta huma fetħu l-iskor meta Silvio Sciberras ikkrossja lejn l-iżmarkat GLENN BONELLO u dan b’xutt mill-ewwel minn pożizzjoni angolata spara fix-xibka. Wara dan il-gowl l-andament tal-logħba baqa’ l-istess b’ħafna logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd tant li l-ebda tim ma rnexxielu joħloq periklu serju fuq il-lasta avversarja.
Wara l-mistrieħ kienu St. George’s li ħolqu l-ewwel azzjoni meta xutt ta’ Glenn Bonello għadda barra. St. George’s komplew jinsistu u fil-55 minuta xutt fil-baxx ta’ Anthony Ewurum ħie salvat minn Justin Spiteri. Ħames minuti wara, f’azzjoni oħra tas-Saints, reġa’ kien il-gowlkiper ta’ San Gwann li salva lit-tim tiegħu fil-partita meta laqa’ xutt mill-viċin ta’ Nathan Caruana.
Ftit wara fuq in-naħa l-oħra frikik minn tarf il-kaxxa ta’ Lee Cumbo ġie mdawwar għal korner minn Thomas Galea. Fis-65 minuta St. George’s rdoppjaw meta Josef Dalli żmarka lil ANTHONY EWURUM u dan wara li qabeż lill-gowlkiper avversarju kkonkluda fix-xibka. Kwarta mit-tmiem San Gwann naqqsu l-iskor meta Alan Borg qassam lejn CLINT GATT u dan minn qagħda tajba għeleb lil Thomas Galea.
Inkoraġġiti minn dan il-gowl San Gwann żiedu l-isforzi tagħhom u fis-86 minuta kienu għoddhom għamlu l-iskor indaqs meta d-difensur ta’ St. George’s Benoir Fenech antiċipa lill-gowlkiper sieħbu u l-attakkanti ta’ San Gwann u l-‘clearance’ tiegħu ħabtet ma’ sieq il-lasta. Fl-aħħar ħinijiet St. George’s spiċċaw jilagħbu b’10 plejers wara li r-referi wera l-karta l-ħamra lil Chris Grech għal xi rimarki.
SAN GWANN: J. Spiteri, R. Sammut, L. Cumbo, M. Caruana, M. Francica (D. Micallef, 83’), A. Borg, C. Cuschieri, F. Aboulezz, R. Sell, C. Gatt (N.Curmi, 76’), L. Bonett (Q. Bregman, 67’).
ST. GEORGE’S: T. Galea, E. Sevasta, C. Grech, A. Ewurum (C. Cioffi, 90’), E. Amaira, B. Fenech, J. Dalli, G. Mallia, N. Caruana (Ciappara, 70’), S. Sciberras (J. Bugeja, 87’), G. Bonello.
REFERI: Clayton Pisani
VITTORIOSA STARS...0
MELITA...1
Melita kisbu rebħa oħra importanti wara li rnexxielhom jegħlbu lil Vittoriosa b’gowl uniku skorjat minn penalty kmieni fit-tieni taqsima. Min-naħa l-oħra għal Vittoriosa din kienet it-tieni telfa konsekuttiva fejn kellhom jilagħbu l-aħħar nofs siegħa bi plejer anqas wara li fl-azzjoni tal-penalty tkeċċa d-difensur Jonathan Xerri.
Fl-ewwel parti l-logħba kienet nieqsa mill-azzjonijiet, b’ħafna logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd b’Vittoriosa jkollhom iktar mill-pussess tal-ballun. Iżda mal-ħin iż-żewġ naħat bdew ikunu iktar avventurużi u wara li beda jkun hemm botta u risposta, fl-aħħar ħames minuti tal-ewwel taqsima Vittoriosa ħolqu bosta ċansijiet bil-gowlkiper Karl Zahra jkun protagonista u jsalva fuq Beppe Muascat, Joseph Chetcuti u Paul Camilleri.
Wara l-mistrieħ Melita ħarġu ftit aħjar u fis-57 minuta saħansitra fetħu l-iskor meta Nicolo Baldacchino Orland twaqqa’ fil-kaxxa minn Jonathan Xerri u r-referee minbarra li wera l-karta l-ħamra lid-difensur ta’ Vittoriosa ordna penalty li minnu GEORGE GRIBBON ma falliex.
Vittoriosa pprovaw iwettqu reazzjoni u fit-68 minuta xutt fil-baxx ta’ Clayton Micallef ġie salvat minn Karl Zahra u żewġ minuti wara kienu sfortunati li m’għamlux l-iskor indaqs meta daqqa ta’ ras ta’ Henry Makinwa ġiet maqlugħa minn fuq il-linja minn Matthew Borg.
Sat-tmiem, minkejja l-isforzi ta’ Vittoriosa biex isalvaw ir-riżultat, Melita żammew sod biex l-iskor baqa’ ma nbidilx.
VITTORIOSA S.: H. Bonello, P. Aquilina, J. Xerri, B. Bonnici, J. Chetcuti, P. Camilleri (L. Chitescu, 61’), G. Inguanez, C. Micallef, B. Muscat, J. Chetcuti, H. Makinwa.
MELITA: K. Zahra, S. Bonnici, G. Gribbon, D. Gravino, M. Martin, M. Borg (N. Zammit, 86’), N. Baldacchino Orland (S. Galea, 91’), J. Galea, J. Mifsud, L. Micallef (A. Caruana Scicluna, 78’), I. Bilocca.
REFERI: Glenn Tonna
|