www.it-torca.com  
Il-Ħadd 5 ta' Settembru 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Neptunes ċampjins tas-Sajf tal-waterpolo.....

Kajjik ġdid mill-Kalkara għar-Regatta tal-Vitorja.....

22 atleta Malti għal-Logħob tal-Commonwealth fi New Delhi.....

Tennis – US Open:
Il-favoriti jikkwalifikaw.....

Muturi – Grand Prix ta’ San Marino:
Pedrosa l-iktar veloċi fil-kwalifikazzjoni.....

Għal-logħba kontra l-Latvja:
Ivan Woods jieħu post Paul Fenech.....

Swieqi United jippreżentaw l-akkwisti l-ġodda u l-immaġini l-ġdida tal-klabb:
L-għan tagħna li nirbħu iktar punti mill-istaġun li għadda – Roberto Debrincat, kowċ ta’ Swieqi U......

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
OPINJONI

Fehmti
minn joe micallef stafrace

FIL-PARTIT Laburista qiegħda tinħass żiffa friska. Konformement ma’ dak li wiegħed Joseph Muscat sa mill-ewwel waqt li ħa t-tmexxija tal-partit f’idejh. Dan mhu sorpriża ta’ xejn għax kien punt ewlieni fil-kampanja tiegħu fit-tiġrija għall-għażla ta’ mexxej wara li l-partit tilef l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-partit kien sar qisu fortizza qawwija, b’ta’ ġewwa ġewwa, u ta’ barra barra – tali mod li, ħlief għall-elezzjoni ġenerali tal-1996 ma setax jagħmel dik il-qabża li twasslu għall-kisba tal-maġġoranza tal-voti u tal-poter. L-isfortuna mbagħad riedet li fl-1996 ġara dak li ġara u għal-laburisti r-riżultat tal-1996 kien rebħa bla temma. Bla ma nnaqqas xejn mis-siwi kbir tat-tindifa li rnexxielu jagħmel Alfred Sant ta’ xi elementi mhux mixtieqa u ta’ ħsara għall-partit u bla ma nonqos milli nfaħħar l-emfasi tiegħu fuq is-sebgħa dritt, l-inkorruttibilità u t-trasparenza. Isem Alfred Sant jitniżżel fl-istorja bħala sinonimu ma’ dawn l-affarijiet sbieħ.

Wieħed iħoss li l-entużjażmu ta’ Muscat biex jittrasforma lill-partit f’moviment li jilqa’ fi ħdanu, għax jaraw fih tama, in-nies ta’ rieda tajba kollha, illum tista’ tgħid li ftiehem u hu apprezzat mil-laburisti kollha. Fosthom il-veterani. Inklużi s-“suldati tal-azzar” – sew dawk li għadhom jimmilitaw fi ħdan il-partit kif ukoll l-oħrajn li l-età u l-istat ta’ saħħa ma jippermettulhomx il-ħidma politika.

Il-veterani ħadmu u ħasdu frott fi żmienhom. Imma x-xewqa tagħhom kienet li l-ġid soċjali jissokta u dan skont ma jitolbu ż-żminijiet. Hawn qiegħda l-piena għax bil-mod il-mod il-pajjiż beda jitlef naqra naqra r-ruħ soċjali tiegħu taħt l-influwenza ta’ kapitaliżmu sfrenat li laħaq lil xtutna wkoll u li ġab ħerba fl-ekonomija dinjija.

Matul l-aħħar snin wieħed seta’ jinnota b’dispjaċir kif l-element żagħżugħ waqaf milli jkun minn ta’ quddiem fi ħdan il-partit, sew fuq bażi nazzjonali u wisq inqas fuq bażi distrettwali u lokali. Tant differenti mill-ħamsinijiet, is-sittinijiet u s-sebgħinijiet! Għalija hu ta’ nkoraġġiment kbir li tara għadd dejjem jiż-died ta’ żgħażagħ jaħdmu fi ħdan il-PL. Żgħażagħ, mixgħula b’entużjażmu li nissel fihom Joseph Muscat f’ġejjieni fejn il-bniedem jibqa’ fuq quddiem u fuq kull konsiderazzjoni oħra. Ġejjieni b’panorama ta’ wesgħat u mhux ta’ sqaqien. Fejn dak li jkun iħossu komdu f’moviment bi prinċipji bażiċi sodi bla ma jfisser li lkoll inkunu preċiż bħal xulxin – fotokopja ta’ xulxin. Xiħaġa li donnha tassoċjaha aħjar f’partit żviluppat f’moviment.

Fl-istess waqt li l-Partit La-

burista hu mpenjat sew fit-tiġdid tiegħu, mhux qed inaqqas mill-ħidma u l-effettività tiegħu bħala Oppożizzjoni u mit-tħejjija tiegħu bħala gvern għal-lest.



Kollox hu



Dan hu essenzjalissmu għall-ġejjieni ta’ Malta fejn għandna Prim Ministru li qed jimxi b’mod ta’ kollox hu appparti li fuq ċerti issues jaf jimbotta ’l quddiem lil ħaddieħor u jagħmlu jidher bħala l-ponta tax-xabla.

L-iskuntentizza fi ħdan il-grupp parlamentari nazzjonalista ma tistax tkun aktar manifesta. Dan mhux b’xi żbruffatura ta’ fula f’qargħa iżda issa għandna wħud li qiegħdin joħorġu dak kollu li għandhom fuq l-istonku tagħhom b’ċerta konsistenza li turi rġulija. Turi li ma jridux lil Gonzi jdawwarhom dawra durella. Juru li issa huma determinati li ma jidhrux la fuq livell nazzjonali u anqas f’għajnejn il-kostitwenti tagħhom bħala nullitajiet.



Qasab



Ċertament li dawn it-talin m’humiex qasab jixxejru mar-riħ. Żgur li jirrappreżentaw għadd ta’ nazzjonalisti u ta’ oħrajn li fl-aħħar elezzjoni nġarru lejn it-tfigħ ta’ voti favur il-PN minħabba l-favuri u l-wegħdi ta’ favuri u minħabba l-preferenzi tal-aħħar jiem. Rajna kif anke issa sar attentat biex jinfirex xbiek u linja ta’ kumnikazzjoni bejn ministeri u siti nazzjonalisti biex min imur ikellem “gvern” isib tagħrif mgħoddi lill-“politiċi” – tagħrif li jista’ jsir użu minnu lejliet l-elezzjoni.

Iżda l-pjan inkixef għax kif jgħidu, ix-xitan m’għandux ħalib! Inkella... id-dnub ma jorqodx.

Naturalment is-saħħa ġdida li qed jikseb, fid-deher, il-Labour qed tinkwieta lil dawk li llum qiegħdin iħossuhom komdi bil-gvern li għandna u qiegħdin jaraw x’jaqilgħu kontra l-partit u kontra dak u l-ieħor fi ħdan il-partit. Iżda hu inkoraġġanti kif dawn huma sforzi li mhux jirnexxu u jiswew biss biex jimlew il-ħin u l-ispazju fil-mezzi propagandistiċi tal-PN.



Tislima



F’dan ir-rigward irrid insellem lil Jason Micallef li spiċċa minn kariga ta’ segretarju ġenerali tal-PL, kariga li ġiet abolita.

Jason qata’ l-għatx bil-perżut lill-avversarji tal-partit u tiegħu, meta b’mod naturali stqarr li għalkemm kienet weġgħa għalih li spiċċat dik il-kariga, hu xorta se jibqa’ jagħti sehmu fi ħdan il-Partit. Kieku Jason qal li hu aċċetta dik id-deċiżjoni b’allegrija kien jitqies bħala bniedem mhux serju. Jason wera li hu, b’sens ta’ lealtà, baxxa rasu għall-ħtiġijiet tal-partit quddiem ir-realtà ta’ tiġdid u riforma.

*   *   *



IL-BIDU



Il-breakwaters ta’ Birżebbuġa jafu l-bidu tagħhom lill-gvern laburista ta’ Mintoff u lis-sengħa tal-ħaddiema tal-gvern Ċiniż u fis-Sebgħinijiet kienu għenu lil Malta b’diversi xogħlijiet fosthom f’Birżebbuġa u d-dock nru 6 fit-Tarzna ta’ Malta. Il-breakwaters f’Birżebbuġa kienu l-ewwel pass għat-twaqqif tal-Port Ħieles.

Dawn fatti storiċi u maż-żmien il-Port Ħieles sar realtà.

Dal-ġranet il-Port Ħieles reġa’ kien fl-aħbarijiet minħabba t-tkabbir tiegħu b’mod li resaq iktar lejn in-nies u mhux estenda ruħu ’l hinn min-nies. Din hi l-istorja kollha. Hawn hi r-raġuni għala qiegħdin jipprotestaw ir-residenti ta’ B’Buġa, il-kunsill lokali, id-deputati parlamentari laburisti, wieħed mill-MP nazzjonalisti u l-Alternattiva Demokratika.

Sadattant rajna lill-MEPA tapprova dak li m’aċċettax ftit jiem qabel u dan minkejja d-dibattitu parlamentari fil-Parlament fil-jiem ta’ qabel – dibattitu mitlub mill-Oppożizzjoni bħala ħaġa ta’ urġenza – u dan kif apprezzat u aċċettat mill-Ispeaker. L-iżvilupp industrijali fil-pajjiż irid isir, imma hemm mod u mod kif tagħmlu. Trid tkun sensittiv għall-ħtiġijiet u xorta ta’ ħajja tar-residenti tal-post.

Addio l-Bajja s-Sabiħa tas-Sebgħinijiet li r-ramla tagħha anke kienet tħabbret bl-ilqugħ fuq barra. Imma biex isir il-Port Ħieles m’hemmx għalfejn naslu sa ġod-dar tan-nies; m’hemmx għalfejn l-iżvilupp isir ’il ġewwa b’mod li jsir aktar tħaffir ’il ġewwa fil-port biex il-bastimenti jkunu jistgħu ipixkaw!

Hawn qiegħda l-oġġezzjoni għal kollox ġustifikata. Imma taħt dan il-gvern donnu n-nies saru ma jgħoddux!

Dan biex ma naslux biex nistaqsu għalfejn qiegħed il-Parlament magħmul mir-rappreżentanti tal-poplu u allura huwa l-vuċi tal-poplu.

Fl-aħħar elezzjoni l-poplu ma tellax lil Gonzi biex ikun dittatur ta’ Malta – xi ħaġa li qiegħda turta lil uħud mid-deputati parlamentari tiegħu stess!Kif sew ġie osservat: fil-Parlameent sar dibattitu fuq l-estensjoni tal-Port Ħieles, kontra r-rieda ta’ Gonzi u dwar l-estensjoni tal-makna tad-dawl Gonzi ma jridx diskussjoni qabel ikun hemm ir-rapport tal-Awditur Ġene-rali u sadattant it-tħejjijiet u l-irbit favur it-tkabbir imħabbar u li dwaru saret oġġezzjoni għadhom għaddejjin.

Gonzi, b’makakkerija kbira u manuvri ’l hawn u ’l hinn jara kif jevita vot wara l-ieħor fil-Parlament għax mhux ċert li mill-PN ma jkunx hemm min ma jridx jidher ta’ pupu quddiem l-elettorat.

*   *   *



VJOLENZA DOMESTIKA



L-opinjoni pubblika llum tinsab allarmata sew dwar il-każi ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna li l-għadd tagħhom li joħorġu fil-pubbliku qed jiżdied minn sena għall-oħra.

Qed inkun preċiż meta ngħid “il-każi li joħorġu fil-pubbliku”. Dan mhux biss għax min jaf x’inhu għaddej illum u li jibqa’ mistur imma għax min jaf x’kien hawn fl-imgħoddi u baqa’ mistur!



Inkoraġġiment



Id-differenza qiegħda hawn: illum il-vittmi, l-imsawta, huma mħeġġa biex ma joqogħdux għal dan. Illum ħafna minn dawn huma f’qagħda finanzjarja, għax jaħdmu (qed ngħid għan-nisa) li, tagħmilha possibbli għalihom li ma joqogħdux għas-swat u kull xorta ta’ dispett. Illum, li hu nkoraġġit ir-responsible parenthood, il-mara mhix meqjusa bħala l-qroqqa li ġġib ulied fid-dinja skont il-gosti tar-raġel. Illum, anke meta l-mara titlob għajnuna, ftit jew wisq issibha.

Nitkellem minn esperjenza ta’ prattika legali ta’ ħamsin sena. Dari kien emfasizzat li dawn huma affarijiet tal-miżżewġin bejniethom u, ħlief f’każi estremi għal kollox, il-Pulizija kienet iżżomm lura milli tintervjeni.

Dari mara li titlaq mid-dar ma kellhiex għajnuna soċjali għal xiex iddur. Jekk tmur għand il-ġenituri aktarx li l-ewwel reazzjoni tagħhom kienet tkun “dak hu żewġek”, “dak hu s-sagrament tiegħek” u kliem bħal dan.

Kien hemm, u dan għadu hemm sal-lum, l-element qawwi tal-mistħija, l-iktar fil-każ ta’ familji ta’ ċertu standing soċjali. Għax hawn ta’ min josserva li l-vjolenza soċjali kont issibha u għadek issibha ġo familji ta’ kull klassi.

Qed ngħid dan għax niddejjaq nara lil min irid ibellagħha lill-familji tal-lum li dari kollox kien ward u żgħar.

Dwar l-imgħoddi ma tistax issib statistika għax preċiżament l-omertà, l-“ostorni biex nostrok”, l-impossibbiltà li mara msawta tqum waħda fuq tagħha b’mod effettiv, kienu l-ordni tal-ġurnata. Mill-bqija kellna ħafna u ħafna familji tajba fl-imgħoddi bħalma għandna llum u kellna familji bi vjolenza fi ħdanhom qabel bħalma għandna diżgrazzjatament illum. Biss qabel, in-nisa kienu jridu jibqgħu isofru, bl-ironija li jekk jerfgħu rashom kienu jidhru koroh huma!

Saħansitra fl-imgħoddi jekk mara tinqabad f’każ ta’ adulterju darba kien biżżejjed biex javveri ruħu r-reat ta’ adulterju (meta dan kien reat sal-bidu tas-Sebgħinijiet) mentri għar-raġel kien ifisser ta’ aktar minn darba!

Sa dal-ġranet stess fil-Qorti tal-Appell kien hemm sentenza li tirrigwarda koppja anzjana, tqalliblek l-istonku.

U hawn min jinċensa l-im-għoddi bla distinzjoni ta’ xejn!




Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Opinjoni
·  Għarfien aħjar
·  Intollerabbli
·  Il-cake
·  Fehmti
·  Ejjew nirbħu l-pjaċir ta’ Alla
·  Ġustizzja riparatriċi
·  Nikxfu l-kaxxa ta’ Pandora
·  Gaddafi jagħti lill-Ewropa x’tomgħod


IT-TEMP - 5/9/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 28º

Riħ:  Hafif mil-Lvant li jsir vrjabbli
Baħar:  Hafif
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.