|
KULL entità li fis-snin li għaddew kienet stabbilita, maż-żmien kibret bis-saħħa tal-ħaddiema Maltin, illum fuq deċiżjoni tal-gvern spiċċat jew għand interprendituri Maltin u barranin, jew strateġikament kienet falluta biex il-barrani jkun jista’ jieħu x-xogħol bl-inqas prezz b’telfien finanzjarju għall-kaxxa ta’ Malta.
Dawn l-ażjendi li fis-snin sebgħin twaqqfu għax il-gvern ta’ dak inhar u l-GWU kienu jemmnu fil-kapaċità tal-ħaddiema Maltin, kienu taw impjiegi lill-eluf ta’ ħaddiema. U min-naħa tagħhom il-ħaddiema taw għajxien diċenti u telgħu familji b’livell ta’ għajxien għoli, sakemm ħafna minn dawn il-ħaddiema llum jinsabu rtirati b’pensjoni tajba, kif wara kollox jixirqilhom.
Għalkemm kien hemm xi entitajiet li m’għamlux il-profitti li l-poplu kien jistenna minnhom, iżda fil-verità, jekk nieħdu t-Tarzna per eżempju, dan kien grazzi għaliha li fil-kaxxa ta’ Malta xorta kienu jidħlu l-miljuni. U dawn mill-flejjes barranin li kienu jinġiebu fil-pajjiż mix-xogħol li kien jinħoloq għall-Maltin anki f’kumpaniji oħra li kienu jissapportjaw fit-tiswijiet ta’ vapuri li jinġiebu fit-Tarzna.
Bħal kull ħaġa oħra, meta gvern ikollu politika li dawk l-ażjendi nazzjonali jippreferi jarahom f’idejn il-privat, l-ewwel li jagħmel hu li jġib il-poplu jemmen f’dak li jkun irid iwettaq. U dan kollu jsir b’użu manipulattiv tal-midja, fil-fatt b’mod qarrieqi f’kull każ il-gvern ġab il-poplu miegħu. Mexxa propaganda fil-midja fejn kien sostnut li dawn l-ażjendi huma ta’ piż fuq il-kaxxa ta’ Malta u wara kompla b’management u b’deċiżjonijiet irresponsabbli, fejn wassal dawn l-ażjendi għat-telfien u kważi l-falliment tagħhom.
B’hekk kien aktar faċli li jġib raġuni għad-deċiżjoni li kellu jieħu, jiġifieri li jbigħhom jew jagħlaqhom. U hekk b’xi mod ħadem strateġija u għamel minn kollox biex jeħles waħda wara l-oħra mill-entitajiet tal-poplu Malti. Jekk wieħed jaħseb, kollox kien evidenti, għax dan il-gvern qatt ma tkellem b’mod favorevoli fuq dawn l-entitajiet, lanqas meta kien fl-oppożizzjoni. Anzi, dan il-gvern, fuq entitajiet li kienu stabbiliti mill-gvern laburista fis-snin sebgħin, bħall-Air Malta, il-Mid Med Bank u s-Sea Malta, donnu qatt ma kien sodisfatt.
Jekk naraw kif iddeċieda li jagħti b’xejn il-Mid Med Bank lill-barranin, meta dan kien diġà fi stadju li qed jikber b’ritmu tajjeb fl-interess ta’ pajjiżna, dan il-bejgħ juri l-bidu ta’ politika ta’ gvern li jeħles minn dak kollu li kellu l-poplu. L-istess nistgħu ngħidu għas-Sea Malta, li minflok il-gvern ippersista u ħadem biex il-linja tal-baħar nazzjonali tibqa’ taqdi l-ħtiġijiet tal-industrijalisti u tiġġenera n-negozju, aktar kien jinteressah li jħalli tidħol kumpanija barranija minflokha.
Dan mingħajr ma din il-kumpanija privata tagħti ċenteżmu lill-kaxxa ta’ pajjiżna, iżda l-aqwa għall-gvern kien li s-Sea Malta ma tibqax għand il-poplu. Ma ħassx il-bżonn li għall-inqas ikun f’sehem f’kumpanija li ħadet ix-xogħol tal-ħaddiema Maltin minn pajjiżna ħalli għall-inqas jibqgħu jaħdmu fil-kundizzjonijiet li kellhom.
Iżda donnu li għal dan il-gvern dik mhix il-politika tiegħu, anki jekk jiftaħar u kontinwament nisimgħu kemm jemmen fil-ħila tal-ħaddiema Maltin. Iżda meta niġu għall-fatti, jippreferi li l-flejjes li suppost ġejjin fil-kaxxa tal-poplu Malti jmorru fil-bwiet tal-barranin. Min-naħa l-oħra,i mbagħad, ma jiddejjaq xejn li biex iġib lura l-flus li tilef jintaxxa b’kull mod lill-poplu.
Meta naraw kemm mijiet ta’ miljuni ta’ ewro ħareġ biex il-ħaddiema jitilqu mill-impjieg matul is-snin jurina xi kwalità ta’ gvern irresponsabbli l-poplu għandu jmexxih. U dawn id-deċiżjonijiet ħadhom għax b’hekk biss seta’ jilħaq l-għan tiegħu, ċioè dik li jeħles minn eluf ta’ ħaddiema li kienu f’impjieg li kien itihom livell ta’ għajxien tajjeb.
Ara mbagħad, kien l-istess gvern li poġġa nies f’karigi ta’ responsabbiltà b’salarju fenominali li minflok ġabu l-entità ’l quddiem bid-deċiż-jonijiet li ħadu, dawn komplew iressquhom b’pass imgħaġġel lejn falliment. Żgur li kieku l-Air Malta llum ma tinsabx fis-sitwazzjoni li tinsab fiha kieku ma kinux dawk id-deċiżjonijiet li kien ħa chairman partikolari bid-deċiżjoni li jixtri ajruplani li saru mażżra m’għonq il-kumpanija.
Iżda din il-persuna għall-kuntrarju ta’ x’jiġri lill-ħaddiem, qatt ma nżamm responsabbli. Araw issa huma l-ħaddiema li qiegħdin ibatu u jridu jġorru l-piżijiet kollha. Ħafna kienu l-ħaddiema li kellhom jaċċettaw kundizzjonijiet u pagi inferjuri biex jibqa’ jkollhom impjieg, anki jekk il-falliment ma kienx ġej minħabba l-ineffiċjenza tagħhom. Bil-miżuri kollha li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin fl-Air Malta, fejn il-ħaddiema kkoperaw kemm felħu u għamlu s-sagrifiċċji, xorta għadhom iġorru dawk id-deċiżjonijiet ħżiena passati, għax dan ma kienx xi żball ta’ ftit miljuni iżda ta’ mijiet ta’ miljuni.
Jekk iċ-chairman ġdid li nħatar mill-gvern mhux se jerġa’ jagħti dik il-motivazzjoni lill-ħaddiema, jerġa’ jġibilhom fiduċja u motivazzjoni, filwaqt li jurihom li hemm futur fil-kumpanija, allura jkun falla fil-missjoni li għandu.
Sfortunatament il-mentalità wasslet, biex illum ħafna ħaddiema qiegħdin jfittxu u jippressaw l-uffiċjali tal-union biex iġibulhom pakkett finanzjarju ħalli jitilqu qabel iż-żmien mix-xogħol.
Araw x’ġara issa mill-Malta Shipyards! Fejn il-gvern ipprefera li għal sena wara sena jħalli tmexxija ħażina, biex din l-ażjenda spiċċat b’telf ta’ 80 miljun oħra minn flus il-poplu fuq xogħol tal-conversion ta’ vapuri u hekk kompla jaħli flus il-poplu meta ġie biex jipprivatizza. Hawnhekk ukoll ħass li ma kellux jieħu l-pariri li tagħtu l-GWU, li saħqet li m’għandux jeħles mill-ħaddiema qabel ma jkun jaf minn kellu l-interess li jieħu din il-kumpanija.
Għal diversi drabi l-GWU wissietu, li min ikun serju u jkun lest jieħu t-Tarzna biex veru jagħmel xogħol ta’ tiswijiet u jkompli fuq ix-xogħol li Malta Shipyards kienet magħrufa għalih internazzjonalment, żgur li dan kien ikun irid l-aħjar ħaddiema tas-sengħa. Iżda ‘le’, dak inhar ukoll il-gvern ipprefera li joħroġ aktar minn €50 miljun minn flus il-poplu u spiċċa b’tarzna li tista’ tirbaħ ix-xogħol, iżda mingħajr ħaddiema essenzjali.
Illum sirna nafu li kull ma ġabar mill-privitazzjoni hu dak biss li ħareġ meta seta’ maħareġ xejn flus il-poplu u kien ikun aktar b’saħħtu biex jinnegozja. Iżda donnu l-poplu jinsab immanipulat u mhux jagħraf li hu wieħed mill-aktar popli ntaxxati minħabba l-ħela u nfiq bl-addoċċ ta’ gvern irresponsabbli.
|