www.it-torca.com  
Il-Ħadd 7 ta' Frar 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Marsaxlokk FC jiċċelebraw is-60 sena mit-twaqqif tagħhom
Nibqa’ nirsisti biex dak li huwa ġust għall-klabb iseħħ – Robert Micallef, President, Marsaxlokk FC.....

Valletta jikkundannaw lil Ħamrun S. .....

Penalty deċiżiv għal Tarxien R......

 

 

AħBARIJIET LOKALI

Il-Malti li ġġieled fil-Vjetnam
minn Victor Vella

Kien is-7 ta’ Lulju 1968. Edward kien għadu kif għalaq tmintax-il sena. Għeluq sninu kien qed jiċċelebrah abbord il-bastiment navali USNS John J. Pope f’Kalifornja, hekk kif il-bastiment kien se jibda l-vjaġġ lejn il-Vjetnam. Edward kien għadu kif spiċċa t-taħrig militari avvanzat f’Paris Island, fuq ir-rifles M-14 u M-16. Sbatax-il ġurnata wara kien fix-xatt ta’ Da Nang u minn hemm ittieħed lejn Dong Ha fil-provinċja ta’ Quang Tri. Fi ftit tal-ħin sab ruħu fit-terrur u fid-dmija.

Fi kliemu stessG “Qatt ma stajt tikber fil-gwerra tal-Vjetnam. Kont tkun imdawwar minn żgħażagħ vulnerabbli. Ta’ tmintax, dsatax u għoxrin sena. Esposti għall-brutalità li għal ħafna minnhom kienet teżisti biss fil-ħolm. Ħafna minnhom għadhom ħerġin mill-High School, u lanqas qatt ma kienu ħarġu barra l-pajjiż. L-aħjar parti tiegħi mietet fil-Vjetnam. Waqt il-ġlied, żagħżugħ ta’ 19-il sena ntlaqat serjament. Kellu ferita fonda f’sidru. Beda jgħidli ‘tħallinix immut. Irrid lil ommi.’ Għannaqtu miegħi u għedtlu ‘Ok. Ommok qiegħda hawn’. Kif miet, l-aħjar parti tiegħi mietet miegħu. Għadni sa llum ngħid lil marti – li ma nistax inkun qribha fl-att tal-imħabba bil-mod kif żammejt lil dak iż-żgħażugħ.”

It-Torċa tkellmet ma’ Louis Borg, Malti li għax kien jgħix fl-Awstralja spiċċa msejjaħ biex imur jiġġieled fil-foresti tal-Vjetnam. Bħal Edward u ħafna eks suldati, Louis għadda minn trawma kbira. Sa ftit taż-żmien ilu la kien irid jisma’ u lanqas jara affarijiet konnessi ma’ din il-gwerra. Il-ħruxijiet li ra jitwettqu u t-trawmi li għadda minnhom baqgħu u għadhom stampati f’moħħu.

Louis li hu mill-Gżira kien emigra lejn l-Awstralja ma’ familtu fis-sena 1951. Hu ġie Malta diversi drabi fosthom fil-bidu tas-snin sebgħin meta hawnhekk iltaqa’ ma’ Victoria u ddeċidew li jiżżewġu u jerġgħu jsiefru lejn l-Awstralja.



Ebda għażlaG jew il-gwerra

jew il-ħabs



Louis Borg jirrakkonta kif “fis-sittinijiet l-Awstralja kienet involuta fil-gwerra tal-Vjetnam, li kienet ilha għaddejja għal ftit żmien. Kien hemm il-lieva għas-servizz militari u ismi spiċċa fuq il-lista. Kelli mmur għal diversi eżamijiet mediċi u sabuni li jien tajjeb għas-servizz militari. Ma kelli l-ebda għażla qud-diemi. Il-lieva kienet bil-fors. Jew immur għall-gwerra tal-Vjetnam jew inkella nispiċċa l-ħabs.“Meta ntbgħatt fil-Vjetnam jien kont tpoġġejt f’’infantry platoon’. Il-platoon kien involut direttament fil-gwerra. Kont ‘machine gunner’ u dan kien ikun wieħed mill-elementi l-aktar b’saħħithom tal-platoon. Kien jispara 1000 balla fil-minuta. Kont ukoll ‘rifle man’ u meta kien imissni kont nitpoġġa ukoll ‘forward scout’. Il-‘forward scout’ kien ikun dak is-suldat li waqt li nkunu fil-ġungla kien ikun fuq quddiem biex juri t-triq lill-membri l-oħra tal-platoon. Ir-rwol tiegħu kien ikun li jaqta’ l-friegħi ħoxnin u l-pjanti biex jagħmel triq għas-suldati l-oħra. Min kien ikun f’din il-pożizzjoni kien ikun irid joqgħod attent biex iżomm għajnejh miftuħa fuq kull indikazzjoni li l-għadu seta’ kien qiegħed fil-qrib. Fost dawn l-indikazzjonijiet kien hemm il-griebeġ li fihom jgħixu l-Vjetnamiti. Il-‘forward scout’ kien ukoll irid joqgħod attent li ma jkunx hemm mini fl-art minn fejn jgħaddu l-membri tal-platoon.”



Darba rfist xi ħaġa tal-

metall, ksaħt u ħassejt

il-mewt qrib tiegħi



Louis Borg jkompli jgħid liG “Darba minnhom jien kont il-‘forward scout’. Kont irfist fuq xi ħaġa tal-metall. Qalbi waqfet tħabbat. Jien ħsibt mill-ewwel li kienet mina. Sejjaħt lill-maġġur. Ma ħa l-ebda ċans. Jien ma stajtx niċċaqlaq. Ħajti u ħajjet is-suldati l-oħra kienet tiddependi fuqi. Is-suldati l-oħra kienu evakwati, hekk kif jien bqajt b’saqajja fuq dak l-oġġett. Dak il-mument iffriżajt. Il-ħsibijiet li kienu għaddejjin minn moħħi kienu dawk li se mmut. Qatt ma ħassejtni daqshekk qrib il-mewt. Għadni sal-lum inħoss il-bard kull meta nirrakkonta dan l-episodju. F’mument minnhom qaluli biex inwarrab minn fuqha. Fortunatament ma kinitx mina.”



Nisa u tfal inqatlu waqt

il-ħarba...



“Waħda mill-esperjenzi li laqtitni b’mod negattiv ħafna fil-gwerra tal-Vjetnam kienet meta talbuni biex inkun ‘poll bearer’ jiġifieri nġorr it-tebut ta’ wieħed minn sħabi. Kien suldat Awstraljan li nqatel f’din l-istess gwerra. Meta kont qed inġorru bdejt inġib ħafna xeni quddiem għajnejja. Irrealizzajt li dik li qiegħed fil-gwerra, hi realtà u mhux ħolma. Fil-gwerra u fil-ġungla rajt ġuħ kbir. Taqsam qalbek tara nies ċivili fosthom tfal bil-ġuħ. Ġieli spiċċajt nagħtihom parti mill-ikel tiegħi. Hi xi ħaġa tal-biki li tara l-vittmi umani tal-gwerra. Nisa u tfal li jibdew jintaqtlu mill-isparar waqt li jippruvaw jaħarbu. Kien hemm ħafna tfal orfni. Oħrajn kienu vittmi tal-mini – min b’saqajh maqtugħa u oħrajn bi ġrieħi li se jibqgħu jġorru għal għomorhom. Dawk l-immaġini se jibqgħu jiġru miegħi. Mhu se ninsihom qatt. Xi drabi jiġu quddiemi u ma jkunux jistgħu jitilqu.”



Ħafna eks suldati jbatu

minn post traumatic

stress disorder



Louis Borg irrakkonta lit-Torċa kif apparti hu, kien hemm erba’ suldati oħra Maltin li spiċċaw jiġġieldu fil-gwerra tal-Vjetnam. Kien hemm Malti ieħor li hu ukoll jafu li ivvolontarja hu stess biex jieħu sehem f’dik il-gwerra. Illum dawn jgħixu f’North Sunshine fl-Awstralja.

Ħafna mis-suldati li ħadu sehem fil-gwerra tal-Vjetnam spiċċaw ibatu minn post traumatic stress disorder minħabba l-esperjenza ħarxa u tal-biża li għaddew minnha. Għal ħafna minnhom, għadhom sal-lum ma jridux jisimgħu b’din il-gwerra u kif jirrakkonta Louis stess, għadu jġib quddiem għajnejh ix-xeni ta’ dmija li baqgħu stampati f’moħħu.

“Tispiċċa f’missjoni qalb il-ġungla. Fi sħana tremenda. F’daqqa waħda l-forward scout li jkun 50 jew 60 jarda quddiemek jispiċċa jirfes ‘booby trap’. Tispiċċa imċappas bid-demm tiegħu. Tispiċċa tagħmel rapport fuq dak li ġara. Tibda taħseb x’se jiġri minnek. Titħasseb fuq min jaf fejn hu mistoħbi l-għadu. Taf li jeħtieġ li tibqa’ ħaj għax inkella żgur li ma tkunx għajnuna għal sħabek”.

McCloskey, eks tabib mal-qawwa navali, wara l-gwerra tal-Vjetnam beda jkollu kuntatt ma’ ħafna suldati li spiċċaw jabbużaw mill-alkoħol, drogi, jabbużaw minnhom infushom u anke jabbużaw minn nisa tagħhom. McCloskey induna li kien hemm xi ħaġa ħażina. Beda jlaqqa’ lis-suldati u beda jinduna bis-sintomi ta’ stress li kellhom. Anki l-infermieri li dewwew suldati f’din il-gwerra kienu qegħdin juru sintomi estremi, tant li l-istress tas-suldati u ta’ dawk li ħadu sehem f’din il-gwerra bdiet tissejjaħ ‘Vjetnam Syndrome’. Wieħed mis-sintomi qawwija fost is-suldati kien l-inabilità li jkunu intimi man-nisa tagħhom.

McCloskey jgħid li minħabba li ħafna suldati kienu ta’ età żgħira, dawn spiċċaw biex l-ewwel esperjenza intima ma’ xi ħadd għaddewha ma’ nies li spiċċaw weġġgħu serjament jew inqatlu fil-gwerra u din wasslet għal problemi ta’ relazzjoni aktar tard fil-ħajja.

Edward Robinson jgħid liG “Dik il-gwerra kienet infern. Dawk li baqgħu ħajjin ma jistgħux joħorġu minnha mija fil-mija. Xi feriti u tifkiriet huma agħar minn oħrajn. Ikunu fondi u ma jintesew qatt. It-tifkiriet negattivi li tibqa’ ġġorr huma bħal meta mara tkun sfat abbużata. Il-ħsieb jibqa’ hemm imma hi terġa’ tmur għalih għax tkun tħobbu. Hekk ġralhom ħafna minn dawn is-suldati. Kienu jkunu jridu jmorru jiġġieldu biex jgħinu lil sħabhom li kienu għadhom hemm. Jien ukoll kont mort lura u dan biex ngħin lil sħabi s-suldati.”

Robinson għamel 15-il sena jieħu l-kokaina, metamphetamines, valium, morfina u alkoħol, biex ma jiffaċċjax l-istress ta’ dik il-gwerra. B’dawn il-mediċini u drogi kien qed jiġġieled il-ħsibijiet orribli u ħruxijiet li kienu jgħaddu minn moħħu wara dik li esperjenza. Robinson għamel 15-il sena ma jitkellem ma ħadd fuq din il-gwerra. Anki llum meta Robinson imur għal xi picnic ma’ qrabatu f’xi bosk jew foresta fejn jgħix, għajnejh jiffissaw fis-siġar u lejn l-art, jistenna li jara xi nasba.














Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet Lokali
·  Daphne Caruana Galizia msejħa mill-pulizija
Ġimgħa ta’ attakki feroċi fuq maġistrat u sindku tal-PN
·  Bla għajnuna mill-gvern... għax ma kellhiex fejn toqgħod
·  Il-GWU b’taħdidiet fl-interess tal-impjegati tal-Enemalta
·  Id-dħul f’union minn membri ta’ korpi dixxiplinati...
Il-GWU tistenna li l-PN jiddikjara li hu favur
·  Għalliema se jibbojkottjaw sejħa għall-ktieb fuq il-passjoni tat-tagħlim
·  Ħtieġa ta’ diskussjoni għall-Abbozz ta’ Liġi tad-Divorzju
·  15-il sena ilu....
It-traġedja ta’ Um El Faroud
·  Id-delegati tal-PL jagħżlu l-Eżekuttiv Nazzjonali
·  Skont PBO mhux vera li l-PN ma jridx lil Musumeci
Skont sorsi, iridu jtellgħu persuna ‘ta’ fiduċja’
·  43% tal-poplu jixtru mill-internet
·  Tinkiser ir-regola tal-irtirar mal-55 sena
·  Id-distributuri tal-gass ingannati wkoll
·  L-Arċisqof jirringrazzja lill-ommijiet li welldu
·  Ġurnata ta’ divertiment b’risq it-tbatija f’Haiti
·  Kumpaniji fl-inkwiet bit-tariffi tad-dawl u l-ilma
·  Il-fdalijiet ta’ ‘Grace’ jitniżżlu Malta!


IT-TEMP - 7/2/2010
Imsahhab
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 14º

Riħ:  Qawwi ghal qawwi hafna mill-Majjistral
Baħar:  Qawwi
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.