www.it-torca.com  
Il-Ħadd 7 ta' Frar 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Marsaxlokk FC jiċċelebraw is-60 sena mit-twaqqif tagħhom
Nibqa’ nirsisti biex dak li huwa ġust għall-klabb iseħħ – Robert Micallef, President, Marsaxlokk FC.....

Valletta jikkundannaw lil Ħamrun S. .....

Penalty deċiżiv għal Tarxien R......

 

 

AħBARIJIET LOKALI

‘No sex please... we’re Maltese’ - l-ewwel parti
minn Gerald Fenech

Kif jgħidu ‘sex sells’. Iżda f’dal-pajjiż kważi kull ħaġa li hija marbuta ma’ dan is-suġġett tiġi ttrattata b’omertà liema bħalha u din ma te-żistix biss Għawdex iżda tista’ tgħid f’kull belt jew raħal f’pajjiżna. Xi ħaġa tal-għaġeb hija li alavolja issa daħħalna l-PSD fl-iskejjel (wieħed għad irid jevalwa x’effett dan qed ikollu fuq l-imħuħ tat-tfal tagħna), l-injoranza tremenda dwar affarijiet ta’ sess hija xi ħaġa mhux biss inkwetanti iżda allarmanti.

Biżżejjed wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika uffiċjali ta’ kemm tfajliet li għadhom qed imorru l-iskola joħorġu tqal bħala persentaġġ tat-total kollu biex jara kemm il-problema ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni sesswali għadha reali.



Statistika

Skont l-aħħar rapport li ħareġ id-Dipartiment tas-Saħħa li kien ikkumpilat min-National Obstetric Information System research team, in-numru ta’ trabi li qed jitwieldu minn ommijiet ta’ bejn il-15 u d-19-il sena kien ta’ 243 fl-2007. Dan attwalment juri żieda mis-sena 2006 għax f’dik is-sena twieldu 233 għalkemm il-per-sentaġġ fiż-żewġ każi kien ta’ 6%. Biex inġibu dan in-numru f’perspettiva jitwieldu 649 tarbija minn ommijiet ta’ bejn l-20 u l-24 sena u 1,282 tarbija fil-grupp ta’ bejn il-25 u d-29. Dan ifisser li l-figura ta’ teenage pregnancies hija ta’ madwar 20% tat-total ta’ trabi li jitwieldu minn ommijiet f’etajiet ‘normali’. (Ara tabella I.) Intant l-istatistika fir-rapport turina wkoll li kull sena jitwieldu madwar erbat itrabi minn ommijiet li huma taħt il-15- il sena li huwa numru pjuttost żgħir meta mqabbel mal-figura kollha.

Intant l-inċidenza ta’ trabi li qegħdin jitwieldu f’ambjent mhux miżżewweġ qiegħed dejjem jiżdied. Fil-fatt fis-sena 2007 it-total ta’ trabi li twieldu minn single mothers kien ta’ 888 jew 23% tat-twelid. Meta tgħodd il-126 tarbijja li twieldu minn ommijiet li kienu separa-ti, romol jew divorzjati, il-figura titla’ għal kważi elf tarbija jew 26% li huwa numru sostanzjali f’pajjiż li suppost iħaddan ir-reliġjon kattolika (dwar attitudnijiet ta’ sess u reliġjon nitkellmu f’feature ieħor aktar ’il quddiem).



Attitudnijiet

Ġimgħatejn ilu kien ippreżentat rapport interessanti lill-Kumitat dwar Affarijiet Soċjali fil-Parlament fejn Philip Carabott, Konsulent fil-Genito-Urunary Clinic ta statistika li għandha tħammar il-wiċċ ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni sesswali (xi ħaġa li tidher li mhix eżistenti f’pajjiżna). Carabott spjega li 10% ta’ 2,221 pazjent li żaru l-GU clinic huma taħt it-18-il sena u allura dan ifisser li kienu madwar 220. Iżda l-aktar statistika allarmanti hija li mill-pazjenti kollha li żaru l-klinika, 43% ammettew li kellhom sess każwali filwaqt li 70% ammettew li ma jużawx protezzjoni waqt li jagħmlu l-att sesswali. Carabott qal ukoll li jaħseb li n-numru ta’ nies li għandhom problemi sesswali huwa ħafna aktar għoli minn dawk li effettivament jużaw il-GU clinic għaliex jidher li ħafna nies lanqas biss jafu li teżisti. Hawnhekk wieħed irid jistaqsi x’tip ta’ edukazzjoni sesswali hawn f’pajjiżna anke jekk suppost għandna Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa li qed jieħu rwol attiv f’dan il-qasam. Iżda minn mindu l-kap ta’ dan id-dipartiment Mario Spiteri tbiddel f’ċirkostanzi kemmxejn kontroversjali, nistgħu ngħidu li l-preżenza tal-Health Promotion Unit hija waħda ferm ‘low key’. Xi ħaġa oħra li hija allarmanti hija l-edukazzjoni dwar il-kontraċettivi fejn il-Knisja ma taqbilx għal kollox ma’ dan il-metodu u allura nistgħu ngħidu li qegħdin f’pożizzjoni fejn is-sikkina taqta’ b’żewġ naħat u l-inċidenza tal-mard sesswali tkom-pli tiżdied minħabba injoranza fl-użu tal-kontraċettivi kif ukoll omertà u ipokrezija mill-awtoritajiet.

Intant Carabott (li ma setax jagħti intervisti lill-gazzetti fuq ordni tal-Ministeru tas-Saħħa s-sajf li għadda) qal li n-numru ta’ Maltin li jiġu nfettati b’mard sesswali kull sena huwa ta’ madwar 13,000 – numru sostanzjali u pjuttost allarmanti meta tqis iċ-ċokon tal-popolazzjoni tagħna. Jidher ċar ukoll li għalkemm qed isiru sejħiet għal strateġija nazzjonali dwar din il-problema, ir-rieda politika biex xi ħaġa verament issir hija ferm ’il bogħod milli tasal.



Valuri

Ħaġa oħra li qed tinfluwenza lit-tfal u ż-żgħażagħ jesperimentaw bis-sess hija l-użu tal-internet u l-aċċess ferm faċli għall-pornografija fuq l-internet. Hawnhekk ftit hawn regolazzjoni u allura kulħadd huwa espost għal aktar pornografija qawwija u moqżieża li ftit ikun hemm min ikun ippreparat għaliha speċjalment f’età żgħira. U għalkemm nerġa’ ngħid li hemm klassijiet ta’ edukazzjoni sesswali fl-iskejjel, jidher ċar li ħafna tfal diġà qed ikollhom aċċess għal stampi u videos pornografiċi li anke jaslu għandhom permezz ta’ sħabhom. Din is-sitwazzjoni hija kollha ħtija tal-omertà sesswali li għadha tirrenja bis-saħħa f’pajjiżna meta anke suġġeriment innoċenti minn politikant żagħżugħ li għandu jkun hemm esperiment ta’ koppji jgħixu flimkien qabel jiżżewġu, jiġi mżeblaħ u mgħajjar bl-aktar mod feroċi. Żgur li Malta li suppost hija pajjiż tal-valuri sodi għandha l-prijoritajiet tagħha pjuttost ta’ taħt fuq.

Skont informazzjoni li kiseb dan il-ġurnal, il-Medical Students Association kienu ħadu inizjattiva fejn xi studenti kienu marru jagħtu lectures minn rajhom dwar l-edukazzjoni sesswali iżda dawn twaqqfu mingħajr ebda raġuni. Hija xi ħaġa inkredibbli meta jkun hemm inizjattiva suriet in-nies li għandha biss l-għan biex teduka dwar suġġett kemmxejn kontroversjali tiġi mwaqqfa b’dan il-mod.



Rakkomandazzjonijiet

Lil hinn mill-kontroversja politika u reliġjuża tas-sess, jidher li hemm bżonn isir xi ħaġa mill-aktar fis possibbli. Għalkemm diġà smajna dwar proposti li jkun hemm konferenzi nazzjonali u strateġiji sabiex ikun hemm politika nazzjonali dwar l-edukazzjoni sesswali rridu mmorru lil hinn mill-paroli u l-prokrastinazzjoni. Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, ftit hemm tama li l-edukazzjoni sesswali se tkun effettiva. Irid ikun hemm inizjattivi ‘hands on’ sabiex din il-problema tkun indirizzata u jekk ikun hemm proposti li jagħmlu sens, dawn m’għanhomx jintefgħu taħt it-tapit u jintnesew kif jidher li qed jiġri bħalissa.

Trid tispiċċa din l-attitudni mimlija omertà u ipokrezija fejn is-sess huwa ttrattat bħala suġġett tabù u li ħadd ma jrid jitkellem dwar u għaliex iħossu skomdu u l-inċidenza ta’ mard u injoranza sesswali tkompli tiżdied b’rata fenomenali flok niftħu moħħna darba għal dejjem.

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet Lokali
·  Daphne Caruana Galizia msejħa mill-pulizija
Ġimgħa ta’ attakki feroċi fuq maġistrat u sindku tal-PN
·  Bla għajnuna mill-gvern... għax ma kellhiex fejn toqgħod
·  Il-GWU b’taħdidiet fl-interess tal-impjegati tal-Enemalta
·  Id-dħul f’union minn membri ta’ korpi dixxiplinati...
Il-GWU tistenna li l-PN jiddikjara li hu favur
·  Għalliema se jibbojkottjaw sejħa għall-ktieb fuq il-passjoni tat-tagħlim
·  Ħtieġa ta’ diskussjoni għall-Abbozz ta’ Liġi tad-Divorzju
·  15-il sena ilu....
It-traġedja ta’ Um El Faroud
·  Id-delegati tal-PL jagħżlu l-Eżekuttiv Nazzjonali
·  Skont PBO mhux vera li l-PN ma jridx lil Musumeci
Skont sorsi, iridu jtellgħu persuna ‘ta’ fiduċja’
·  43% tal-poplu jixtru mill-internet
·  Tinkiser ir-regola tal-irtirar mal-55 sena
·  Id-distributuri tal-gass ingannati wkoll
·  L-Arċisqof jirringrazzja lill-ommijiet li welldu
·  Ġurnata ta’ divertiment b’risq it-tbatija f’Haiti
·  Kumpaniji fl-inkwiet bit-tariffi tad-dawl u l-ilma
·  Il-fdalijiet ta’ ‘Grace’ jitniżżlu Malta!


IT-TEMP - 7/2/2010
Imsahhab
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 14º

Riħ:  Qawwi ghal qawwi hafna mill-Majjistral
Baħar:  Qawwi
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.