|
Il-qagħda soċjali u ekonomika f’pajjiżna qiegħda tgħin biex tkompli titwessa’ d-definizzjoni ta’ x’inhu faqar. Kull ma jmur il-faqar, fil-forom wiesgħa tiegħu, qed ikompli jinfirex u jolqot anke lil dawk il-familji li sa ftit ta’ snin ilu kienu jaħsbu li qiegħdin jgħixu b’mod xieraq. Fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha ħafna mill-familji Maltin, jekk isseħħ xi ħaġa li ma tkunx mistennija, jafu jsibu ruħhom f’difikultajiet finanzjarji li ma jkunux jistgħu joħorġu minnhom. Ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni li jitilfu l-kenn ta’ saqaf fuq rashom. Persuni li jispiċċaw bla dar ikunu qed jgħixu forma oħra ta’ faqar.
Minn statistika miġbura minn YMCA jirriżulta li f’paj-jiżna hawn madwar 300 per-suna li għal raġuni jew oħra spiċċaw bla saqaf fuq rashom. B’rabta ma’ dan illum tasal fi tmiemha l-kampanja YMCA Homeless Personalities, li għandha l-għan li jinġabru fondi li permezz tagħhom l-organizzazzjoni YMCA tkun tista’ tkompli tħaddem il-prog-rammi ta’ sostenn soċjali kif ukoll tkompli topera x-xelter Dar Niki Cassar.
F’Dar Niki Cassar jingħataw kenn għadd ta’ persuni li għal raġuni jew oħra jkunu spiċċaw jgħixu barra. Il-persuni resi-denti f’din id-Dar jingħataw l-għajnuna u t-taħriġ kollu meħ-tieġ biex fi żmien raġonevoli jkunu jistgħu jiksbu l-possibiltà u l-ħiliet li jgħixu għal rashom. Li ġejjin huma wħud mill-isejjer ta’ persuni li jin-sabu jgħixu f‘Dar Niki Cassar fejn tintwera l-ħidma siewja u fejjieda li jagħmlu l-ħaddiema soċjali tal-YMCA kif ukoll l-għadd ta‘ voluntiera li jagħtu ftit minn ħinhom ħalli jtejbu l-qagħda ta’ ħaddieħor.
Claire (isem fittizzju) għandha 15-il sena. Sa minn meta kellha erba’ snin spiċċat tiġri minn istitut għall-ieħor. Dan seħħ minħabba li ommha ma setgħetx tieħu ħsiebha u ż-żewġ ħuta l-oħra minħabba l-problemi ta’ saħħa u droga li kellu missierhom. Maż-żmien Claire spiċċat tbati minn problemi mentali l-aktar gravi magħrufa bħala ‘Conduct Disorder’. Minħabba f’din il-kundizzjoni kien diffiċli ħafna li taddatta għar-regolamenti u tmexxija stretta ta’ ċerti istituzzjonijiet u bdiet tħoss li ħadd ma ried jaċċettaha u spiċċat biex telqet. Ftit taż-żmien wara talbet l-għajnuna tal-YMCA. Illum grazzi għall-għajnuna u kenn li sabet f’Dar Niki Cassar, Claire tejbet il-kundizzjoni mentali tagħha u anke saħħet saħħitha. Irnexxielha wkoll ittejjeb l-andament tagħha fl-iskola kif ukoll li toħroġ mill-vizzju tad-droga li kienet waqgħet fih.
Il-familja Cassar (kunjom fittizju) qatt ma stenniet li fi żmien qabel il-Milied kienet se tispiċċa tinħareġ minn darha minħabba ħsarat strutturali. Kollox seħħ meta ftit tal-ġimgħat ilu din il-familja ta’ ħamsa, tlieta minn tfal bl-akbar wieħed ta‘ 10 snin, raw l-art ta’ waħda mill-kmamar tagħhom tisfronda. Din il-kamra kienet tipprovdi l-uniku aċċess għall-bieb ta’ barra.
Għalkemm l-Awtorità tad-Djar ipprovdiet għajnuna immedjata lil din il-familja billi temporanjament għal tliet ijiem tathom kenn f’lukanda, il-problema hija waħda finanzjarja.
Il-missier m’ilux ħafna li spiċċa bla xogħol u għalhekk kienu qed jaħsbu li sakemm isib impjieg ġdid barra d-dħul li jkollhom mill-għajnuna soċjali jagħmlu użu mill-flus li tul is-snin kienu faddlu. Dan iżda jidher li mhux se jkun possibbli min-ħabba l-ispejjeż kbar li tinvolvi t-tiswija tal-ħsarat li ġarrbu.
Wara li skadew il-jiem ta’ permanenza fil-lukanda, din il-familja ngħatat kenn f’Dar Niki Cassar. Minkejja l-għajnuna li qed jingħataw f’din id-dar, il-ħajja mhix faċli. Iridu jaqsmu spazju ristrett ħafna, u anke jgħixu ma’ persuni oħra li ma jafuhomx.
Il-kumplikazzjoni hija wkoll il-burokrazija li qed ikollhom jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jagħtu bidu għax-xogħol. Pe-ress li d-dar li kienu jgħixu fiha kienet tinsab fiċ-ċentru ta’ ra-ħal tipiku Malti, ir-regolamenti tal-MEPA jitolbu li s-saqaf jerġa’ jinbena kif kien qabel, jiġifieri bix-xorok. Dan se jkompli jitfa’ aktar piż fuqhom.
Doris (isem fittizju) għandha qrib il-50 sena. Minħabba għadd ta’ ċirkostanzi spiċċat tbati minn problemi mentali b’konsegwenza li tiddependi minn persuni oħra. Il-kumplikazzjonijiet f’ħajjitha bdew meta oħtha, il-persuna li kienet tieħu ħsieb u tgħix magħha, ma setgħetx tibqa’ ddur biha. Doris sabet ruħha waħedha u ma tafx x’se taqbad tagħmel.
Minħabba nuqqas ta’ spazju f’istituzzjonijiet oħra, hi kienet rakkomandata biex tingħata kenn fid-Dar Niki Cassar. Bi preparazzjoni għar-residenza tagħha f’din id-dar l-istaff professjonali ħadmu magħha fuq pjan mifrux fuq numru ta’ xhur ta’ x’se jkun mistenni minna.
Waħda mill-miżuri li ttieħdu kienet li din il-mara tibda tfittex xogħol. Din kienet se tkun l-ewwel darba f’ħajjitha li hi kien se jkollha tfittex impjieg. Biss bl-appoġġ tal-YMCA Doris irnexxielha ssib impjieg u għall-ewwel darba bdiet taqla’ l-flus għall-ħidma tagħha. Il-problemi li kienet qiegħda tiffaċċja Doris naqsu bil-kbir u rnexxielha tibni biżżejjed kunfidenza biex tibda tfittex post alternattiv fejn tkun tista’ tgħix.
Fil-fatt issa li għaddew seba’ xhur minn meta daħlet f’Dar Niki Cassar, Doris qiegħda tgħix f’appartament, għandha mpjieg, tejbet il-kundizzjoni ta’ saħħitha u kisbet il-fiduċja fiha nnifisha.
Dawn huma ftit biss mill-każi li l-YMCA tieħu ħsieb tul l-operat annwali tagħha. Barra dawn hemm każi oħra li jirriflettu kif ħafna fil-popolazzjoni Maltija qiegħdin ikunu ffaċċjati bi problemi li jressquhom lejn il-faqar u anke lejn it-telfien ta’ kenn fuq rashom.
|