www.it-torca.com  
Il-Ħadd 25 ta' Lulju 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Wara tilwima ma’ Green Investments Ltd:
Floriana FC kellhom ifittxu post alternattiv għat-taħriġ.....

Muturi – GP tal-Istati Uniti:
Stoner jittama li jwaqqaf is-sensiela negattiva.....

Formula Wieħed – Grand Prix tal-Ġermanja:
Vettel iċaħħad lill-Ferrari mill-ewwel Pole Position sa mill-2008.....

Żgħażagħ Maltin se jattendu avveniment prestiġġjuż tal-baseball f’Tokjo.....

Kampjonat BoV tal-Waterpolo tas-Sajf:
Neptunes jilħqu lil Sliema fil-quċċata.....

My Red Force jirbaħ it-tiġrija storika kontra żwiemel Taljani.....

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
AħBARIJIET LOKALI

Wiċċ imb’wiċċ mal-kanċer
(2) Wara l-operazzjoni
minn Alfred Sant

Fit-tieni parti minn din is-sensiela, l-eks mexxej laburista Alfred Sant ikompli ma’ fejn ħalla l-ġimgħa li għaddiet fir-rakkont tiegħu dwar dak li għadda minnu fil-ġlieda kontra l-kanċer. Fl-ewwel parti, ir-rakkont tiegħu kien waqaf mal-mument meta daħal għall-operazzjoni, bl-aħħar ħsieb tiegħu qabel ma ħadu l-loppju jkun dwar kif fid-dinja kulħadd xortih - huwa dieħel għal operazzjoni u l-President Franċiż jiġġerra ħdejn il-piramidi ma’ Carla Bruni!

Kull operazzjoni għal min qed iġarrabha (sakemm ma jistenbaħx f’nofsha) hi l-istess bħal kull operazzjoni oħra. Meta tistejqer, magħdur jew imgħattan, int u terġa’ tibda tapprezza li hemm ħajja ttektek madwarek, tagħraf li għadda ħin li għalik ma kien ħin xejn. Imbagħad tibda tifhem, li xiħaġa tkun ġratlek: m’għadekx fl-istess post u fl-istess pożizzjoni ta’ qabel intlift minn sensik. Minn hawn li l-operaz-zjonijiet jibdew isiru differenti.

Fi tmiem l-intervent li matulu kif sirt naf wara, neħħewli med-da pjuttost twila miċ-ċinturin ta’ l-imsaren, qomt u sibt ruħi priġunier ta’ ħafna tubi: wieħed minn imnieħri għal ġo l-istonku; tnejn imkaħħla ma’ driegħi n-naħa tal-polz; tnejn oħra mill-ġnub ta’ żaqqi; kateter li ma na-qasx mal-kollezzjoni. Pajp, ma nafx kienx jiġi wieħed minn dawk li diġà semmejt, kien qie-għed hemm biex meta nkun irrid inbatti fl-uġigħ, nagħfsu u jagħtini doża ta’ morfina.



Priġunier

Irrealizzajt li kont maqbud b’dal-mod, waqt li nirreġistra l-uċuħ ta’ dawk li kienu madwari u nagħrafhom għall-ewwel qishom qed iħarsu lejja minn tieqa magħluqa. Aktar u aktar tħossok priġunier meta barra mill-pajpijiet jorbtuk minn kul-limkien, tinduna li hemm xi morsa ġdida fin-naħa taż-żaqq li ma tistax tinjoraha. Il-morsa kienet magħmula minn ma nafx kemm-il pont tal-ħadid li qed jorbtu l-ferita, imgħottija taħt infaxxar tqil.

Meta kien għadda ż-żmien, it-tifla tiegħi Marta fissritli li f’dal-ħin dehert muġugħ u magħdur ħafna. Hi kienet miegħi għal biċ-ċa l-kbira mill-ħin f’dak il-jum u f’ta’ warajh, kif ukoll ommha Mary u ħuti, li għall-bidu kont narahom għaddejjin quddiemi f’purċissjoni ftit sfumata. Kienu ta’ wens kbir.

Biss ma niftakarx li ħassejtni muġugħ sew, daqskemm li qisni qlajt xebgħa kbira li ddamdmek mingħajr ma tbenġlek. Il-morfina bil-fors li taffiet l-uġigħ jew it-tifkira tiegħu. Qaluli li kont mat-tlitt sigħat taħt is-sikkina u li l-biċċa kienet seħħet b’mod sodisfaċenti.

Meta tqum mil-loppju, tħoss l-effetti tiegħu f’nixfa ma’ ħalqek sa griżmejk, u b’ta’ kull ħin, bar-ma ta’ sogħla. Malajr bdejt nis-tkerrah dik is-sogħla li mad-daqqiet tagħha, ikollok tintebaħ bil-ferita li għadha friska. Aktar ma jgħaddi l-effett tal-loppju, aktar idejqek iċ-ċaqlieq li t-tqagħqigħ iġib miegħu.

Kienu qaluli li l-ewwel jumejn se jkunu iebsa. Kont imħejji għalihom. Għaddew f’telqa sħiħa, f’foga ta’ impressjonijiet li ma baqgħux daqstant ċari fit-tifkira, skont programm ta’ injezzjonijiet, teħid ta’ demm, irran-ġar ta’ l-istrumenti u pajpijiet imwaħħla miegħi, kollha bir-rutina tagħhom ikkontrollata minn tobba u infermiera li jafu minn qabel ma jidħlu fil-kamra preċiż x’se jagħmlu kemm idu-mu fiha.

Il-programm tiegħi ma kienx miktub bl-istess reqqa tagħhom imma segwa l-fasla mistennija: nongħos, nistira bl-uġigħ, niċ-ċaqlaq kif nista’ ’l fuq u ’l isfel fis-sodda lejn pożizzjoni aħjar, inlesti jdejja jew inħawi oħra tal-ġisem għan-nigża li jmiss, ngħid xi kelma, tnejn jew tlieta aktarx b’nofs ħeġġa għall-bidu, nippro-va nsegwi l-istruzzjonijiet li jagħtuni dwar x’tagħmel u x’ma tagħmilx meta tiġi xi xerqa… meta tkun trid tixrob… meta jibdlu l-labra fuq il-wiċċ ta’ l-id…

L-ewwel lejl u l-għada fil-għodu għaddejtu nitbandal ġo kjaroskur fietel fejn daħlu u ħarġu madwar soddti, infermiera u tobba u nies oħra. Mary (Vella) għasset fuqi matul il-lejl, u warajha Phyllis (Muscat). Għal xi ħin, indunajt li barra, it-temp kien għadu xitwi. Fl-aħħar, rajt il-griż taż-żerniq jinfirex barra t-tieqa.

Fil-verità, l-ewwel jiem l-isptar wara l-operazzjoni żelqu wieħed wara l-ieħor f’ġilwa ta’ diskursati ma’ tal-familja, thewdin, miżuri ta’ kura, uġigħ, tqagħqigħ, żerniq u dawl u terġa’ dlam, dehriet ta’ sħab griż barra t-tieqa. Meta nħares lura lejn dawk il-ġranet, naħseb li Marta għandha raġun tgħid li kont magħdur; f’ċirkostanzi hekk, tipprova terġa’ tieħu kontroll fuq ħajtek u ssib li trid toqgħod attent, mhux dejjem tista’ tgħaġġel. Ipprovajt naqra ru-manz ta’ James Bond, imma l-vjolenza ta’ ġo fih mill-ewwel paġni, ma flaħtx għaliha!

Fl-istess ħin, lanqas trid tintelaq.

Waħda mill-aqwa sfidi kienet biex tmur tinħasel fil-kamra tal-banju bil-pajpijiet ħerġin minnek, it-tarf ta’ wieħed jew tnejn minnhom jispiċċaw fi flixkun, u b’żaqqek u l-istonku nfaxxati, hekk li trid toqgħod b’seba’ għajnejn biex ma tagħtihomx skoss. Għall-ewwel darbtejn, tlieta, kien impossibbli ninħasel waħdi ħlief għal wiċċi u biex inqaxxar il-leħja. Imbagħad meta d-damdima ta’ l-operazzjoni majnat xi ftit, tgħallimt kif tin-naviga fid-doċċa speċjali mfas-sla għal min ikun maqbud f’qagħda bħal tiegħi.

Tinħasel bħall-qtates, b’attenzjoni sħiħa, u biex ma tiġbidx xi tubu dieħel ġo fik, iżżomm qrib tal-virga twila bis-saqajn li ssostni l-flixkun fejn jispiċċa t-tubu. Sfida oħra waqt li tinħasel kienet biex ma xxarrabx il-faxex li jgħattu l-ferita fuq quddiem; dawn kienu jiġu spezzjonati kuljum mill-infermiera u mibdula skont il-bżonn. Wara xi jiem, ksew l-irbit u faxex b’adeżiv trasparenti li l-ilma jiżloq minn fuqu. Il-problema tal-ħasil ħfiefet. Sa meta wasal dal-waqt, kienu diġà qed jgħiduli li l-ferita qed tfiq tajjeb.



Kura

Il-kura li rċevejt f’kull mument, minn tobba, tobba stu-denti, infermiera, staff professjonali ieħor, ħaddiema para-mediċi, kliners, kienet eċċellenti - ħaġa li għenet bil-kbir biex l-esperjenza kollha tkun anqas imwegħra. Kull filgħodu kont nistenna l-wasla tat-tabib Slovakk inkarigat mill-ispezzjonar tal-wards. Akkumpanjat minn studenti tobba u infermiera, kien jivverifika kif ikun qed jiżviluppa l-fejqan b’mistoqsijiet stakkato, qabel jeżaminani. Im-bagħad, tarah joħroġ b’direttivi ġodda jew qodma dwar kif l-affarijiet għandhom isiru aħjar.

M’hemmx għalfejn ngħid, kien hemm ukoll is-sehem tat-tobba li għalija kienu l-protagonisti ta’ l-istorja kollha. F’dil-fażi, fuq quddiem kien hemm Tony Zammit. Hu, Michael Farrugia u Mario Vassallo ża-runi għal darba tnejn tlieta wara li rkuprajt mil-loppju u meta stejqirt sew, tawni stampa sħiħa ta’ x’kien instab fl-operazzjoni u x’ġara matulha. Il-biċċa maqtugħa mill-musrana kienet twila sew, jekk fhimt tajjeb; ħafna ak-tar minn pied - ma naħsix li kienet daqs metru…

It-tumur li kien kbir, tneħha. Biċċiet minnu ttieħdu għall-analiżi. Sirt naf li jiggradaw kemm kanċer ikun avvanzat b’kejl imsejjaħ “Duke’s” (sal-lum għadni ma nafx għaliex): jibda minn Duke’s A, l-anqas qawwi; imbagħad B, għal C għal D, l-aktar avvanzat. Tiegħi kien fl-istadju B. Sa fejn seta’ jidher kien baqa’ magħluq fil-musrana imma wasal xi millimetru biss bogħod milli jidħol f’żoni oħra tal-ġisem. Kull fejn, waqt l-operazzjoni, sar tiftix għal ċelloli mħassra, l-aktar fejn jinstabu glandoli, dawn ma nstabux. Wieħed kien irid jistenna issa x’se jkun ir-riżultat tat-testijiet.

Kampjuni ta’ dak li ttieħed waqt l-operazzjoni kienu se jintbagħtu fl-isptar Royal Marsden f’Londra, magħdud bħala wieħed mill-aktar ċentri mediċi attrezzati għall-kura tal-kanċer fid-dinja. Minn hemm, kienet se tintalab it-tieni opinjoni speċjalizzata. Jekk hemm bżonn, kont se mmur Londra biex jeżaminawni speċjalisti ta’ dak l-isptar.

Għalkemm ir-riżultati li nstabu kienu ta’ inkoraġġiment, u ma kienx se jkun hemm bżonn ta’ xi operazzjoni oħra, kien jaqbel li meta l-effetti ta’ l-operazzjoni jbattu, nibda trattament ta’ kemoterapija. Deċiżjoni dwar hekk kellha tittieħed aktar tard, meta tasal it-tieni opinjoni minn Marsden.

Ġara li fl-istess jum meta was-lu f’Londra l-kampjuni “tiegħi” meħuda waqt l-operazzjoni, qam nar fir-Royal Marsden. Għamel qerda kbira. B’xorti tajba, ma qeridx id-dokumentazzjoni u l-kampjuni dwar il-każ tiegħi…



Komplikazzjonijiet

Sadattant, il-konċentrament f’dawk l-ewwel ġranet kellu jkun fuq li l-organiżmu tiegħi jirpilja mix-xokk ta’ l-operazzjoni. Sirt naf li effett kbir fuq l-organi interni meta l-ġisem jinfetaħ hu li dawn bħal jissom-maw. Jieqfu kull ċaqliq u kull ħidma li jwettqu l-imsaren, il-fwied, il-kliewi, insomma l-biċċa l-kbira ta’ dak li jagħmel l-intern tagħna. Dan kellu jiġri aktar u aktar f’każ bħal tiegħi, fejn mhux biss dawn l-organi raw id-dawl, imma ġew mimsusa u mqasqsa.

Aktar ma tgħaddilhom malajr il-“qatgħa” b’dak li jkun ġara, aktar jerġgħu jibdew iwettqu malajr il-proċessi naturali li hu-ma fir-responsabbiltà tagħhom. skont Tony Zammit, għal kir-urgu wara operazzjoni bħal tiegħi, is-sinjali u l-ħsejjes li juru li reġgħu bdew dawn il-proċessi naturali… sinjali u ħsejjes li ma jissemmewx waqt diskussjoni pulita fis-soċjetà… irabbu f’daż-żmien, il-ħlewwa ta’ l-aqwa mu-żika. Meta jumejn wara li ħallejt it-teatru ta’ l-operazzjoni, bdejt nagħti xhieda ta’ din l-aqwa mużika, kien sodisfatt ħafna. Il-problema madankollu għalija saret li minn dak in-nhar ’il quddiem u għal ħafna ġimgħat wara, kien ikolli ta’ spiss u ġieli fi tromba, immur fil-kamra tal-banju.

Komplikazzjoni oħra qamet f’dawk l-ewwel ġranet wara l-operazzjoni meta tagħrif suppost konfidenzjali dwar il-każ tiegħi twassal lill-ġurnal “Sun-day Times”. Din kienet it-tieni darba li informazzjoni dwar il-każ ħarget minn taħt. L-ewwel darba ġrat xi jumejn qabel dħalt fl-isptar Mater Dei u kienet ħaġa ċara li l-informazzjoni ngħatat minn hemm.

Issa, tagħrif ġenerali dwar id-dħul tiegħi fl-isptar u dwar l-operazzjoni kien diġà ngħata lill-medja. Il-ħsieb mill-bidu nett kien li l-informazzjoni sħiħa dwar il-każ tinħareġ aktar tard, meta t-tobba jkunu stabbilew il-konklużjonijiet finali tagħhom. Għal raġunijiet meskini li tkeb-bu f’retorika ipokrita dwar il-ħtieġa ta’ informazzjoni ħielsa f’demokrazija, ġew pubblikati dettalji li kont għadni ma tajtx lil uħud mill-membri tal-familja.

Il-kwistjoni kollha tal-pub-bliċità li tingħata lil każi mediċi ta’ wħud fostna hi kontroversjali. Minkejja l-ħafna kliem sbieħ li jingħadu, f’dil-ħaġa ta’ spiss titħaddem riga doppja mill-istess nies li mbagħad jilagħbuha ta’ qaddisin tal-kor-rettezza u l-etika. Jiddeċiedu skont min tkun u skont lil min “jaqbel”, jekk ixandrux bl-addoċċ ma’ l-erbat irjieħ bla ebda twissija ta’ xejn, x’għandek u x’ma għandekx. Minħabba f’dawn it-talin, megħjuna minn nies qrib il-poter li ħasbu li tajjeb joħorgu dokumenti privati lil ċerti ġurnalisti, kelli niffaċċja sitwazzjoni delikata fi ħdan familti fi żmien meta ma tantx stajt inlaħħaq magħha b’mod effettiv.

(Fi kważi kull ċirkostanza, tidħol barma umoristika. Ġimgħat wara, iltqajt ma’ raġel li dar fuqi u qalli: toqgħodx tinkwieta, għaxar snin ilu kelli l-istess ħaġa bħalek. Għaddejt mill-burraxka u għadni hawn. Id-differenza hi li fil-każ tiegħek sar ħafna plejtu fil-ġurnali u r-radjijiet… imma f’tiegħi… kulħadd baqa’ kwiet…)



L-importanti

Sa mill-ewwel jiem, tgħallimt bl-importanza tal-fiżjoterapija. Qabel, kont nistħajjel li din il-proċedura medika kienet aktar logħba maħsuba biex tqawwilek qalbek fi żminijiet diffiċli, milli teknika serja li tgħin il-fejqan. Qaluli u qbilt mal-proposta, li kelli nagħmel minn kollox biex noħroġ mis-sodda, biex nimxi u niċċaqlaq ħalli titħaffef il-kura. Il-fiżjoterapisti li żaruni għal-lmuni kif tqum bla wisq keded, kif tilqa’ għas-sogħla li tkissrek kull meta tħossha ġejja, kif titla’ fuq saqajk, kif tieħu n-nifs u timxi. Għall-ewwel ħbatt se nieħu dawn l-istruzzjonijiet b’niskata melħ.

Imbagħad segwejt it-tagħlimiet ċkejkna imma mill-aktar siewja li tawni l-fiżjoterapisti ma’ kull żjara tagħhom. Malajr bdejt nimxi magħhom, u wara ma’ Marta u oħrajn tal-familja, u wara waħdi, mal-kuridur ta’ quddiem il-kamra tiegħi, nim-botta fuq qafas tal-metall biex inżomm wieqaf, attent li ma nis-kossjax il-ponti - tal-metall ukoll - li qed iżommuli żaqqi f’postha. Tasal sa tarf il-kuridur, tħares ’il barra lejn il-kampanja u l-bini griżi xitwin, u terġa’ lura għal minn fejn tlaqt.

Qed infisser għal ta’ l-apposta fid-dettall x’jiġri wara operazzjoni bħal tiegħi. Fl-effetti tagħha wara kollox, mhix wisq differenti minn ħafna operazzjonijiet oħra. Jum wara l-ieħor, tkun bħal qisek tiela’ mal-ġenb ta’ għolja; aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tħossok fiduċjuż, aktar tista’ tara ’l bogħod quddiemek.

L-għada jew il-pitgħada li qomt mil-loppju, ftit li xejn kelli aptit naqra jew nitkellem. Wara ftit diskors, kont nibda nongħos. Bil-ġranet għaddejja, il-qari sar aktar pjaċevoli u t-taħdit kont inżommu għaddej fit-tul (skont il-kejl tiegħi, li ma tantx nid-deletta bil-kliem).

Lanqas irrid nagħti l-impressjoni li t-triq tal-fejqan kienet il-ħin kollu ’l fuq. Kien hemm mumenti koroh. Darba, fost l-oħrajn, tatni xerqa kbira li ma riditx tieqaf: tħossha ttertqek minn ġewwa. Darb’oħra, lejliet l-Ewwel tas-Sena, għaddejt minn taqliba ftit qawwija; ħrigt minnha meta tawni injezzjoni li raqqditni fil-fond. Qomt kmieni l-għada, u smajt rakkonti ta’ kemm kienet għamlet xita matul il-lejl; barra t-twieqi, is-sħab kien ghadu tqil u baxx fis-sema.



Il-parir tal-Marsden

Fl-aħħar ġew għandi Michael Farrugia, Mario Vassallo u Tony Zammit… bil-konklużjonijiet li waslu għalihom l-esperti tar-Royal Marsden f’Londra. Mill-kampjuni li ntbagħtulhom, kie-nu kkonkludew li l-operazzjoni kienet suċċess għax neħħiet dak li seta’ jinqabad mit-tumur. Ma rawx li kien hemm għalfejn nitla’ Londra biex nagħmel aktar testijiet. Qablu mal-verdett tat-tobba Maltin li meta nirkupra mill-operazzjoni, ikun jaqbel li nieħu kors ta’ kemoterapija.

Mingħajrha, iċ-ċansijiet ta’ suċċess kienu se jkunu ta’ xi 82 fil-mija; jiġifieri kien se jkolli ċans ta’ 82 fil-mija li ngħix għal ħames snin u aktar. Bil-kemo-terapija, iċ-ċans kien jiżdied għal 86 fil-mija. Spjegawli x’jinvolvi dal-proċess li kellu jdum bejn l-erba’ u l-ħames xhur u kien se jiġi sorveljat minn speċjalista mħarreġ fil-mard tal-kanċer, onkologu.

Għalija d-deċiżjoni kienet sempliċi ħafna; anki biex inżid iċ-ċansijiet ta’ suċċess fuq l-operazzjoni li għamilt, b’erba’ punti perċentwali “biss”, kien jaqbel li nagħmel il-“chemo” kif kulħadd isejħilha.

Issa, ridt li ntejjeb kemm nista’ r-rata ta’ fejqan biex nintbagħat malajr mill-isptar. Mill-bidu nett qaluli li se jkolli nqatta’ talanqas xi tnax-il ġurnata hemm ġew. Hekk kif bdew jgħaddu l-ġranet, qaluli wkoll li qed “infieq” b’ra-ta aktar mgħaġġla milli sten-new. U effettivament, l-arran-ġamenti saru biex noħroġ minn Mater Dei fl-għaxar jum.

Kemm domt fil-kamra ta’ l-isptar akkumulaw għadd sħiħ ta’ oġġetti li ma kontx ġibt miegħi, l-aktar kotba li ntbagħ-uli minn ħbieb ġentili u kartolini. Il-ħidma ta’ ippakkjar kienet sors ta’ l-akbar pjaċir fl-aħħar jumejn tiegħi hemm. Kien il-bidu bikri tal-filgħaxija il-Ġimgħa, meta tlaqna. Ħassejtni bniedem tassew ħieles nimxi bla għajnuna mill-kuriduri ta’ l-is-ptar, b’lajma sħiħa, veru, għax ma ridtx nieħu xi skoss, sal-karozza tistenna isfel.



Tas-Sliema

Konna ftehmna li se ngħaddi ġimgħa jew ftit aktar fid-dar Tas-Sliema, fejn joqogħdu Marta u Mary. Il-ħsieb kien li nsib hemm kura u wens li jgħinuni nagħmel iċ-ċaqliqa kbira lura lejn il-ħajja “normali”. Hekk ġara; kemm Marta u kemm Mary ħadu ħsieb ta’ kollox u aktar, kemm domt magħhom.

Fil-fatt għall-bidu, minkejja li taħseb li qed tfiq, l-affarijiet ikunu ibsin: biex torqod, biex tinħasel, biex tilqa’ għall-uġigħ u l-iskossi, biex tikkontrolla t-tgerfix ta’ l-imsaren… Anki l-irqad jista’ jkun problema, jew għax ma tkunx tista’ torqod, jew għax tkun għajjien wisq, jew għax tqajmek xi problema.

Wara li wasal ir-rapport mir-Royal Marsden, kelli għan ewlieni quddiemi: dak li nirkupra malajr kemm jista’ jkun ħalli sa ħames, sitt ġimgħat wara l-operazzjoni, inkun nista’ nibda t-trattament tal-“chemo”.

Fuq kollox, kelli nara kif se nagħmel biex nerga’ nżid fil-piż, li fi żmien ġimagħtejn kien naqas b’bejn erbatax għal tnax-il kilo. Ħtieġli nibda nġewweż permezz ta’ tliet ikliet kuljum, filgħodu, f’nofsinhar u fil-għaxija, jien li tul snin twal kont drajt niekol biss darba u ġeneralment tard ħafna bil-lejl. Ċertu ikel kelli għall-bidu nevitah. Biss, peress li f’daż-żmien, l-għan kien li nerġa’ ntella’ l-piż, u nneħhi għal kollox l-anemija li l-kanċer kien ikkawża, segwejt il-parir li nieħu laħam aħmar kemm nista’, sakemm id-demm jerġa’ jiġi f’postu. Wara, kelli ndur għal laħam abjad, bħal tat-tiġieġ, u għall-ħut li skont il-fehmiet tal-lum, bħala ikel jifirxu s-sodda għal tumuri fl-imsaren anqas milli jagħmel laħam aħmar.

Allura, qattajt xi ġimgħat niekol stejks u laħam taż-żiemel biex niżgura li ċ-ċelloli ħomor jissodaw u jitkattru waħidhom, mingħajr ma jkolli għalfejn nerġa’ nieħu xi trasfużjoni ta’ demm.

Tul it-tmint ijiem jew aktar li domt Tas-Sliema, għamilt ħilti biex nerġa’ nkun mill-ġdid f’qagħda li nista’ ngħix ħajja “normali”. Kelli ħafna ħin “ħieles” li matulu ma stajtx nitħabat wisq. Kien ili ma nara films daqskemm rajt f’dawk il-ġranet f’DVDs… Imbagħad bqajt attent biex jekk jista’ jkun kuljum, nagħmel mixja twila ħalli ma nsaddadx fiżikament, għax veru, tiġik it-tentazzjoni li toqgħod lura u titgħażżen, meta tkun għadek miftuq min-nofs u mhux qed tikkontrolla għal kollox x’jiġri fil-ġewwieni tiegħek.

Tas-Sliema hu post ideali għall-mixjiet ta’ konvalexxent fix-xitwa. Il-“Front” li jinsab żewġ passi ’l bogħod minn fejn kont noqgħod, joffri dehra sabiħa fin-naħa tal-baħar, bil-battibekki tal-mewġ dejjem għaddejja mal-blat, u wita. Tard filgħodu u kmieni waranofs-inhar kien ikun kważi baħħ. Kuljum kont nitlaq ma’ Marta għal mixja ta’ xi siegħa, hi tieħu paċenzja kbira bija għax jien għall-bidu nimxi b’pass ta’ nemla - imbagħad, aktar ma għaddew il-jiem, b’għaġġla akbar. Mat-torri ta’ l-“Exiles”, sal-lukanda Diplomat, u aktar tard sas-Surfside, imbagħad lura sa l-“Exiles”.



Lura d-dar

Anki f’daż-żmien, il-fejqan kien għaddej b’rata inkoraġġanti. Il-ferita kienet qed tagħlaq. Qabel tlaqt minn Tas-Sliema, Dr Tony Zammit qatagħli l-ponti tal-metall li kienu għad-hom marbuta taħt kisja ta’ faxxa plastik trasparenti. Kont tbeżżajt minn dil-proċedura imma saret fi ftit minuti bla taħbit.

Fl-istess żmien, ġie jinviżtani Dr Victor Muscat, l-onkologu li kien se jissorvelja l-kemoterapija li kelli nieħu dalwaqt. Tani l-istruzzjonijiet tiegħu b’reqqa kbira. L-arranġament miftiehem kien li se nibda l-“chemo” mit-tieni ġimgħa ta’ Frar. Wissieni mill-effetti “tal-ġenb” (side effects) li dal-proċess iġib miegħu u kif l-aħjar nilqa’ għalih.

Erġajt lura f’dari, B’Kara, il-Ħadd filgħaxija, wara tlitt ġimgħat u nofs nieqes. Ħassejt li mill-ġdid qed nerġa’ nieħu lura xi kontroll fuq il-ħajja. L-għada li wasalt, filgħodu kmieni, inżilt b’pass kajman, inzappap xi ftit, mit-triq ewlenija ta’ Ħas-Sajjied għat-triq il-kbira ta’ B’Kara biex “bħas-soltu” nixtri l-gazzetti ta’ dak in-nhar.

(jissokta...)

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Aħbarijiet Lokali
·  Kif il-kriżi fil-Golf tal-Messiku tista’ tolqot lil Malta
·  Periti jgergru li x-xogħol il-kbir jingħata lill-barranin
·  Funeral bla kadavru fit-toroq tal-Belt
·  Alan Camilleri bidel il-ħsieb?
·  “Vince Farrugia jaġixxi bħal kamaleonte” - John Bencini
·  Ikomplu jgelglu glalen tad-drenaġġ:
L-Għadira mintna sħiħa
·  It-tariffi tal-MEPA għolew bla konsultazzjoni...
“Se joħolqu impatt fuqin-negozju tal-kostruzzjoni”
·  Injorata proposta biex jitjieb id-disinn fil-bini
·  Il-problema tal-irwejjaħ mill-inċineratur tal-Marsa...
Il-Wasteserv ma tafx meta se tissolva
·  L-UE timbotta dak li injorat l-ADT
·  Il-kunċert ta’ Joseph Calleja se jsir nhar il-Ħamis li ġej
·  Erba’ xhur wara li kellu jitlesta rapport dwar il-bidla fil-klima:
Il-Ministeru jikkonferma d-dewmien
·  Ir-Riforma tal-Pensjonijiet...
In-nuqqasijiet tal-Gvern se jwasslu biex il-ħaddiema jirtiraw tard
·  Jirbaħ il-Ħaddiem tas-Sena tal-Isptar Monte Carmeli
·  Annus Horribilis fil-Liċeo Ninu Cremona f’Għawdex:
Diskors inkredibbli mill-kap tal-iskola
·  Il-banek jilqgħu r-riżultati tat-test tal-istress
·  Vandali jattakkaw ir-riserva ta’ Wied Għollieqa
·  Klieb stmati ta’ oġġett:
Mitfugħin mall-bagalji
·  Festival annwali tat-tertuqa
·  X’livell qed joffru l-klabbs Maltin?
It-TORĊA tinvestiga
·  Biex jiżdiedu t-turisti...
Malta għandha tħares lejn swieq differenti


IT-TEMP - 25/7/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 29º

Riħ:  Qawwi mill-Majistral
Baħar:  Qawwi ghal qawwi hafna
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.