www.it-torca.com  
Il-Ħadd 29 ta' Awissu 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Valletta jiffirmaw lil Ian Azzopardi.....

Kampjonat BoV tal-Waterpolo tas-Sajf:
Neptunes jirbħu logħba eċċitanti.....

Amministratur li jservi lil Valletta u lill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA:
Kburi li ilni nservi dan il-klabb ghal dawn l-ahhar tletin sena
– Paul Spiteri (Vici-President ta Valletta).....

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
ARTIKLI/KONTRIBUZZJONI

Vendikazzjoni baxxa
minn Fr Mark Montebello

Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ li d-drama kollha li seħħet ix-xahar li għadda f’rabta mal-ħabs kienet maħduma biex tweġġa’ lil bniedem wieħed: id-direttur tal-ħabs, Sandro Gatt. Dak li seħħ jidher li kien biss riżultat ta’ vendikazzjoni personali ta’ xi ħadd jew xi wħud li m’għoġobhomx il-mod kif Gatt mexxa fil-ħabs. Jidher li kien biss riżultat ta’ xi ħadd jew xi wħud li jridu dixxiplina mingħajr ħniena u ħakma mingħajr kompromess.

Sandro Gatt kien pass eqreb lejn il-ħabs b’umanità li aħna lkoll irridu. Imma dan mhux kulħadd jaqbel miegħu jew iridu; u ra kif għamel sabiex ifixklu u jħarbtu. Sandro Gatt ma kienx perfett. It-tmexxija tiegħu ma kinetx perfetta. Kemm-il darba ma qbiltx miegħu u kelli anki differenzi miegħu. Kien hemm diversi deċiżjonijiet li xtaqthom ikunu aħjar. Kien hemm bosta linji ta’ ħsieb li ridthom jieħdu xejra oħra.

Imma dan kollu qatt ma naqqas ir-rispett li dejjem kellna lejn xulxin. Jekk argumentajna bejnietna, jekk iddibattejna, jekk xi kultant rajna li ma jistgħux naqblu, dan qatt ma ħallejnieh iwassalna biex nintrefgħu minn xulxin. Bħal kulmin għandu uffiċċju ta’ tmexxija, Gatt mexxa kif jaf u jifhem hu, bit-tħejjija li ħa ta’ pulizija li hu. Imma ma’ din it-tħejjija dejjem żamm umanità kbira, qalb miftuħa. Kien dejjem lest biex jisma’ lil ħaddieħor u jilqa’ l-kritika aktar mit-tifħir.

It-tmexxija ta’ Sandro Gatt fil-ħabs tul dawn l-aħħar sitt snin kienet immarkata minn umanità enormi lejn il-priġunier. Dan ma jfissirx li ma kienx hemm okkażjonijiet fejn deher li seta’ kien qed jesaġera fl-istil tiegħu ta’ tmexxija jew fejn seta’ ħa deċiżjonijiet differenti minn dawk li ħa. Hu kważi impossibbli li taqbel ma’ bniedem mija fil-mija. Imma fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, Gatt fehem il-qagħda prekarja tal-priġunier u aġixxa bl-aktar mod uman kemm jista’ jkun fil-limiti li tagħtih il-liġi u l-esiġenzi ta’ l-uffiċċju tiegħu.

Dan mhux kulħadd kien japprezzah u kien jippreferi li jħares lejn in-negattiv milli lejn il-ħafna pożittiv li din it-tmexxija ħaddnet. Kien hemm min kien moħħu biss f’pika puwerili u kien hemm min ried jikseb dejjem aktar setgħa għalih innifsu. Dawn qatt ma raw għajn m’għajn ma’ Gatt u dejjem fittxew li jfixkluh flok li jgħinuh. Flok aċċettaw l-istil tiegħu u fittxew li jiggwidawh jew anki li jtejbuh, għażlu biss li jagħmlu l-ħin kollu bsaten fir-roti.

Hija ħasra li dawn in-nies issa rnexxielhom jisforzaw fuq Gatt riżenja li ma kinitx f’lokha. Nirrepeti, mhux għax Gatt kien perfett jew għax qbilt miegħu f’kollox, imma għax kien l-aħjar direttur tal-ħabs li rajt jien f’dawn l-aħħar erbatax-il sena.

Dan iwassalni biex nistqarr l-istagħġib tiegħi li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern aċċetta b’daqshekk ħeffa din ir-riżenja. Għalkemm hu Ministru b’fama li kull deċiżjoni jeħodha b’deliberazzjoni twila u b’razzjonalità kbira, għaġġel wisq — u, fil-fehma tiegħi, żbalja — meta aċċetta f’tebqa t’għajn it-tneħħija ta’ Gatt. Dan ma stennejtux.

Jidhirli li l-Ministru għaġġel wkoll — u reġa’ żbalja — meta l-inkjesta li beda fuq il-ħabs għażel li jmexxiha l-Assistent Kummisarju Manwel Cassar, bniedem li hu magħruf sew li m’għandux simpatija ma’ Gatt. Din id-deċiżjoni hi, kif jgħidu l-Ingliżi, ‘adding insult to injury’. Sandro Gatt ma kienx jistħoqqlu dan it-trattament; u nistagħġeb ħafna kif il-Ministru laqgħab f’idejn l-għedewwa tiegħu b’dan il-mod.

Jien jiddispjaċini ħafna għal din il-vendikazzjoni li saret. Anki ma’ persuni li ma naqbel f’xejn magħhom jew li m’humiex nies, ma naċċetta trattament bħal dan, aħseb u ara bniedem bħal Sandro Gatt. Imma l-ħajja xi kultant hi kiefra u l-politika maħmuġa.

Is-Supretendent Sandro Gatt u l-familja tiegħu għandhom is-simpatija kollha tiegħi tassew minn qiegħ qalbi.

montebello@gmail.com

www.mddmalta.org

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Artikli/Kontribuzzjoni
·  Tgħid għadhom jiftakruni?
·  Jekk Patri Pawl isir kardinal: xi jfisser?
·  Ix-xebba li mietet fil-fwieħa tal-qdusija


IT-TEMP - 29/8/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 30º

Riħ:  Ftit qawwi mill-Majjistral
Baħar:  Hafif ghal qawwi li jsir qawwi
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.