www.it-torca.com  
Il-Ħadd 25 ta' Lulju 2010
  It-Torċa  
Opinjoni
Editorjal
Features
Artikli/Kontribuzzjoni
Ittri lill-Editur
Rati ta' l-Avviżi
Arkivji
Ikkuntattjana
  FITTEX  
 
 
  Sports  

Wara tilwima ma’ Green Investments Ltd:
Floriana FC kellhom ifittxu post alternattiv għat-taħriġ.....

Muturi – GP tal-Istati Uniti:
Stoner jittama li jwaqqaf is-sensiela negattiva.....

Formula Wieħed – Grand Prix tal-Ġermanja:
Vettel iċaħħad lill-Ferrari mill-ewwel Pole Position sa mill-2008.....

Żgħażagħ Maltin se jattendu avveniment prestiġġjuż tal-baseball f’Tokjo.....

Kampjonat BoV tal-Waterpolo tas-Sajf:
Neptunes jilħqu lil Sliema fil-quċċata.....

My Red Force jirbaħ it-tiġrija storika kontra żwiemel Taljani.....

 

 

Segwina fuq:
 
 
Facebook
 
YouTube
 
ARTIKLI/KONTRIBUZZJONI

Gustavo Gutiérrez OP...
‘Missier’ it-Teoloġija tal-Liberazzjoni jagħlaq 80 sena
minn Fr Mark Montebello

Illum, jagħlaq 80 sena dak li daż-żmien sirna nafuh bħala ‘Missier it-Teoloġija tal-Liberazzjoni’: il-patri dumnikan, Gustavo Gutiérrez. L-istorja soċjali, spiritwali u akkademika ta’ dan il-bniedem affaxxinanti takkumpanja l-istorja interessanti f’dan l-aħħar nofs seklu u aktar. Minn hawnhekk nixtieq infakkar lil dan il-bniedem u nsellem l-avventura meraviljuża tiegħu.



L-għażla tal-fqar

Patri Gustavo Gutiérrez Merino O.P. twieled Lima, il-Perù, bħal-lum, 8 ta’ Ġunju, ta’ tmenin sena ilu, fl-1928. Studja l-mediċina u l-letteratura fil-Perù stess, il-psikoloġija u l-filosofija f’Leuven, il-Belġju, u kiseb id-dottorat mill-Institut Pastoral d'Etudes Religieuses (IPER) ta’ l-Università Kattolika ta’ Lyon, Franza. Il-bidu tal-ħajja pastorali tiegħu għaddiha jgħix u jaħdem mal-fqar ta’ Lima.

Din il-ħajja u ħidma wasslitu biex jibda jirrifletti fuq l-esperjenza spiritwali u teoloġika tal-Knisja. Fl-1971, ippubblika wieħed mill-aktar xogħolijiet sbieħ tiegħu u ktieb li kellu jġib bidla tremenda fil-Kattoliċiżmu: ‘Teoloġija tal-Liberazzjoni: Storja, Politika, Salvazzjoni’. Fih Gutiérrez ifisser l-idea li l-faqar nisrani huwa att ta’ solidarjetà u mħabba mal-fqar kif ukoll protesta kontra l-faqar li ġġib il-ħelsien.

Skond Gutiérrez, din l-għamla ta’ liberazzjoni għandha tliet dimensjonijiet: l-ewwel, hi liberazzjoni politika u soċjali; jiġifieri t-tneħħija tal-kawżi tal-faqar u l-inġustizzja. It-tieni, hi emanċipazzjoni tal-fqar, ta’ l-imwarrba, taż-żgħar u ta’ l-oppressi minn dawk il-ħwejjeġ li jillimitawlhom il-ħila tagħhom li jgħixu ħielsa u fid-dinjità. It-tielet, hi liberazzjoni mill-egoiżmu u mid-dnub, jiġifieri t-tiżdid tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-poplu tiegħu.



Il-Vanġelu tal-liberazzjoni

Din il-viżjoni ta’ l-ispiritwalità u t-teoloġija tal-Knisja Kattolika kienet interpretazzjoni li ħarġet mir-riflessjonijiet ta’ Gutiérrez mal-fqar fid-dawl tal-Vanġelu u tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kienet interpretazzjoni li biha Gutiérrez sejjaħ il-Knisja għal reviżjoni ta’ l-ispiritwalità tagħha u tal-mod kif kienet tagħmel it-teoloġija u tħaddem il-pastorali tagħha.

Is-sejħa tiegħu kienet milqugħa, mhux biss minn miljuni ta’ saċerdoti u nsara, imma wkoll minn ħafna isqfijiet. Infatti, fil-konferenzi episkopali ta’ Rio De Janeiro, il-Brażil, fl-1955, ta’ Medellin, fil-Kolumbja, fl-1968, u ta’ Puebla, fil-Messiku, fl-1979, din it-‘Teoloġija tal-Liberazzjoni’, kif bdiet tissejjaħ, kienet imħaddna uffiċjalment mill-isqfijiet ta’ l-Amerika Latina. Minn hawn, l-influss tagħha baqa’ jikber u jinfirex mal-kontinenti kollha tad-dinja.

Imma fl-istess waqt m’għoġbitx lil kulħadd. L-oppożizzjoni għaliha u għall-implikazzjonijiet soċjali u politiċi tagħha sabet l-aqwa avverjarju tagħha fil-persuna tal-Kardinal Josef Ratzinger, il-futur Papa Benedittu XVI. Kemm it-teoloġija tal-liberazzjoni b’mod ġenerali u kemm it-teologi tagħha b’mod partikulari, speċjalment Gutiérrez, kienu ċċensurati bil-kbir. Fl-1984, assemblea speċjali ta’ isqfijiet Peruvjani kienu mistiedna minn Ratzinger jikkundanna lil Gutiérrez, iżda dawn ma ridux.

Madanakollu, ħafna teologi oħra tal-liberazzjoni kienu kkundannati. Dan anki kellu effetti koroh fuq ħafna nsara, saċerdoti u isfqijiet li sabu rwieħhom ippersegwitati minn gvernijiet konservattivi li ħadu l-arja miċ-ċensuri u l-kundanni ta’ Ruma. Fost dawn hemm l-Arċisqof Oscar Romero, li nqatel fl-24 ta’ Marzu ta’ l-1980.



L-aqwa li aħna

Illum Gutiérrez huwa patri dumnikan u professjur fl-Università ta’ Notre Dame, f’Indianapolis, l-Amerika. It-teoloġija tal-liberazzjoni mibdija minn Gutiérrez hija għamla ta’ ‘soċjaliżmu nisrani’, li tisħaq fuq il-ġustizzja soċjali u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

Minn Martin Luteru (fis-seklu 16) ’l hawn, fil-kamp kattoliku ftit li xejn ħarġu ħwejjeġ tabilħaqq teoloġikament ġodda. F’dan il-perjodu ta’ 400 sena, kien hemm tliet eċċezzjonijiet uniċi, aktar milli rari: Yves Congar, dumnikan Franċiż li miet fl-1995; Edward Schillebeeckx, dumnikan ieħor, Belġjan, li llum għandu 93 sena; u Gustavo Gutiérrez, dumnikan ukoll. Mill-bqija, għajr xejriet differenti ta’ reazzjoniżmu ma kienx hemm.

Għaldaqstant, f’għeluq it-80 sena ta’ Gutiérrez, xieraq li niċċelebraw din il-figura u personalità kbira tal-Knisja Kattolika bħala xi ħaġa sabiħa u għolja li għandna fil-ħajja tagħna stess. Minkejja kollox, nies bħal Schillebeeckx, Congar u Gutiérrez jirrappreżentaw l-aqwa kwalitajiet li jista’ jkollna, kwalitajiet li jibqgħu jagħmluna kburin bin-nisraniżmu kattoliku li nħaddnu.

Awguri, Gustavo, u ‘ad multos annos’!

montebello@gmail.com

www.mddmalta.org

Ikkummenta dwar dan l-Artiklu Fuq

Artikli oħrajn fis-sezzjoni Artikli/Kontribuzzjoni
·  Inti tista’ tqatta’ ġurnata f’razzett tipiku Għawdxi...
·  Aktar ma nħaffer, aktar insib!
·  Annullament: proċess, spejjeż u... x’iktar?


IT-TEMP - 25/7/2010
Xemxi
Viżibilit:  Tajba
Temperatura: 
L-oghla: 29º

Riħ:  Qawwi mill-Majistral
Baħar:  Qawwi ghal qawwi hafna
Għall-aġġornament tat-temp agħfas hawn.